Budget 2022 Lokali

Bidla b’viżjoni permezz ta’ diversi proposti kruċjali

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jemmen fik, fil-ħiliet tiegħek – u għalhekk se  jibqa’ jinvesti fik. Kien għalhekk li fid-diskors tiegħu fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech preżenta numru ta’ proposti.

EDUKAZZJONI

Gvern Ġdid Nazzjonalista mhux biss iżid l-istipendji b’10% iżda jżid b’25% l-istipendji tal-professjonijiet l-aktar meħtieġa – infermiera, għalliema, social workers, care workers u diversi oħrajn. Proposta oħra hi li ż-żgħażagħ kollha Maltin u Għawdxin minn 16 sa 21 sena jingħataw voucher ta’ €500 li bih imorru btala kulturali jew edukattiva fl-Ewropa.

TRASPORT

Gvern ġdid Nazzjonalista se jippromwovi b’saħħa kbira s-servizzi ta’ car sharing u car pooling. Apparti hekk se jkun varat proġett ambizzjuż fejn il-flotta kollha tal-karozzi tal-linja jkunu kollha jaħdmu bl-elettriku sas-sena 2025.

ŻGĦAŻAGĦ

Biex koppji żgħażagħ u persuni oħra jsiru propjetarji ta’ darhom, Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li jinħoloq fond tal-istat li jidħol jagħmel tajjeb għas-self tal-bank li jkopri minn 10% sa 25% tal-prezz tal-bejgħ tal-propjetà. Proposta oħra hi li jkun hemm eżenzjoni sħiħa tal-VAT ikkapjata sa għaxart’elef ewro fuq l-ispejjez kollha relatati mal-finishing u furnishing ta’ djar u appartamenti li jinxtraw ġebel u saqaf jew mhux lesti.

GĦAWDEX

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fl-Għawdxin u l-potenzjal tagħhom. Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista se jinvesti f’żewġ vapuri ġodda, jagħmel helipad fl-isptar u jagħmel sptar ġdid għall-Għawdxin ta’ 400 mitt sodda.

AMBJENT

Jekk ikun hemm proġetti ta’ interess pubbliku, bħal sptar jew skola, jersqu quddiem il-parlament u jkunu approvati biż-żewġ terzi. Apparti dan Gvern ġdid Nazzjonalista se jreġġa’ lura l-proċess ta’ urbanizzazjzoni sfrenata permezz ta’ miżuri pożittivi li mhux se jwaqqfu l-iżvilupp iżda li jassiguraw li l-familji jkollhom aktar ġonna pubbliċi viċin id-dar.

IL-POLITIKA TAX-XOGĦOL

Il-Partit Nazzjonalsita jemmen fil-prinċipju ta’ equal pay for equal work. Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li jkun hemm investiment organiku fil-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin. 

GREY LISTING

Titwaqqaf unit speċjalizzata li taqdi l-bżonnijiet tar-riċerka tad-due diligence għal nutara, accountats, avukati u professjonijisti oħra.

BDIEWA

Fejn tidhol il-biedja, qed ikun propost li ssir riforma mill-qiegħ tal-qbiela tal-gvern. Se jitressqu wkoll aktar proposti f’dawn is-setturi li jindirizzaw l-aċċess għas-suq, u l-ispejjez li dejjem qed jikbru.

SAĦĦA

Gvern Nazzjonalista se jagħti bonus li jammonta għal 14-il miljun ewro li jitqassam fost il-frontliners kollha. Proposta oħra hi li t-tabib tal-familja jkun b’xejn għal dawk kollha li għandhom ‘il fuq minn 60 sena.

VAT/TAXXA

Ikun estiż l-bracket tal-eżenzjoni tal-VAT minn 30 elf għal 60 elf ewro. Se jkun estiż il-massimu tat-tax bracket tal-25% minn 60,000 għal 80,000 ewro b’mod li jifdal sa 2,000 ewro iktar kull sena fil-but tal-ħaddiema.

FAMILJA

Missier ta’ tarbija jkollu 15-il ġurnata leave. Apparti din il-proposta, se jingħataw 8 ġimghat leave tal-ġenituri li jkun iddedikat għat-trobbija tat-tfal.

TURIŻMU

Fejn jidhol turizmu… titnaqqas il-VAT għal 7% għall-bejgħ kollu fir-restoranti u servizzi oħra tal-lukandi.

PENSJONIJIET

Gvern ġdid Nazzjonalista jikkunsidra sistema fejn iż-żieda tal-pensjonijiet kull sena tkun assigurata b’mekkaniżmu separat li jassigura li l-anzjani jiżdiedu d-doppju taż-żieda tal-ħaddiema.

TKABBIR EKONOMIKU

Gvern ġdid Nazzjonalista se jattira investiment f’żewġ pilasti industrijali ewlenin… l-ekonomija l-ħadra u dik diġitali.

KUNTRATTI

Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jaqta’ l-kuntratt tal-Electrogas li għalih pajjiżna qed iħallas il-miljuni. U se jkun rivedut immedjatament il-kuntratt tal-Vitals u Steward.

Fid-diskors tieghu, Bernard Grech qal li dawn il-proposti huma investiment għal uliedna, investiment li l-frott tiegħu se jitgawda ‘l quddiem għax se jkun qed jiftaħ l-orizzonti ghal uliedna… li huma l-futur ta’ pajjiżna.