Lokali Parlament

Bidla b’viżjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Qabel il-prezz ta’ kollox hemm il-valurtal-bniedem li għandu jiggwida kull deċiżjoni

Fir-replika għad-diskors tal-Baġit, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal qabel il-flus hemm il-ħajja, qabel il-qligħ hemm il-familja, qabel il-prezz ta’ kollox hemm il-valur tal-bniedem li għandu jiggwida kull deċiżjoni. Hu qasam il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista u sostna li b’umiltà jqis li din hija wkoll il-viżjoni ta’ ħafna. Il-viżjoni li ressaq Bernard Grech maqsuma fuq tliet pilastri. Dawn huma siltiet mid-diskors li għamel ilbieraħ fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Viżjoni

Illum jiena ġejt hawn biex nitkellmu fuq il-finanzi u l-ekonomija tal-pajjiż, li kif rajna b’dan il-Baġit, qed jidhru inkwietanti immens. Għalhekk nidħol fid-dettal ta’ kif se nwettqu l-bidla f’dan il-pajjiż, nixtieq naqsam magħkom il-viżjoni tagħna fil-qosor. Il-vizjoni tiegħi hija ċara u sempliċi. U b’umiltà naħseb li din hija wkoll il-viżjoni ta’ ħafna.

L-ewwel pilastru tal-viżjoni tagħna: Jien irrid li kulħadd f’dan il-pajjiż sabiħ tagħna jkollu iktar ħin għalih mal-familja. Magħna se taħdem kemm trid u taqla’ aktar ukoll, imma rrid ukoll li inti ma tkunx kostrett bilfors taħdem kull sekonda bla nifs biex sempliċement tlaħħaq mal-ħajja bażika.

It-tieni, Jiena rrid li kulħadd jgħix f’ambjent isbaħ biex ngawdu aħjar il-ħin li għandna flimkien. Mhux f’pajjiż fgat u mifni traffiku u bini bla pjan u mingħajr spazji ħodor miftuħa.

U t-tielet, jiena rrid li jkollna pajjiż li jgħinek tirnexxi f’kull ambizzjoni tiegħek. Malta trid tkun il-pajjiż fejn il-Gvern jagħmel kollox biex jgħinek tirnexxi fil-ħolma tiegħek, tkun xi tkun dik il-ħolma. Li ma rridx żgur huwa li d-deċiżjonijiet tal-politiċi tal-lum, jagħmlu l-ħolm tiegħek iktar diffiċli bħalma għamel dan il-Gvern meta qered ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u ġabna greylisted.

Jien qiegħed hawn biex dik il-ħolma tiegħek ngħinek fiha, inressqek ftit aktar lejha. Xammar il-kmien ħalli dik il-ħolma tiegħek nwettquha flimkien.

Baġit għal-lum

Aħna għedna li dan kien Baġit tal-lum. Baġit li jinsa li hemm għada. Huwa ċar għal kulħadd li għall-Partit Laburista jimporta biss kif se jasal sal-elezzjoni ġenerali, però għan-nies jimporta ferm aktar kif se naslu sas-sena d-dieħla u ta’ warajha.

Fuq kollox, in-nies jistaqsu wkoll kif dan il-Baġit jaffetwa l-pjanijiet u l-ħolm tagħhom. Hemm miżuri tajbin fil-Baġit però l-poplu segwa kull ma għedtu, wiżinkom sew u nduna li nfaqtu kemm flaħtu, li berbaqtu l-miljuni imma li mbagħad ma kontux kapaċi twieżnu biżżejjed l-bżonnijiet tan-nies.

Il-verità tal-figuri

Hemm bosta hemm barra li janalizzaw ukoll bir-reqqa l-figuri, li intom tgħattu bil-propaganda tal-billboards. Ma spjegajtx sewwa Ministru għall-Finanzi s-sitwazzjoni enonomika ta’ vera ta’ dan il-pajjiż. Fil-Baġit ma semmejt xejn fuq l-Air Malta, ħbejt il-verità imbagħad għax ma stajtx tibqa taħbi, kellek tammetti li fl-Air Malta ħloqtu problema serja u kważi fallejtuha.

Skont iċ-ċifri tal-Ministru stess, il-Ministru qed jgħidilna li f’dawn is-sentejn se jkun għamel €2.8 biljun dejn fuq daharna.Skont ma qal il-Ministru stess, il-pandemija ġiet tiswina €1.5 biljun.Jibqa’ allura €1.3 biljun dejn li mhux ġej mill-pandemija imma ġej mit-tmexxija ħażina, mid-direct orders u l-kuntratti sangwisuga li dħaltu fihom tal-Vitals u tal-Electrogas.

Qed jagħmlu dejn ta’ €4 miljun kuljum u dan dejn sistematiku, mhux qed jippjana li jnaqqsu, mhux qed jippjana li jrażżnu. Qed jippjana li jgħaddih lilna u lil uliedna.

Ħafna mill-imsieħba soċjali rrimarkaw in-nuqqas ta’ viżjoni u uħud minnhom ma jistgħux jifhmu kif se żżid id-dejn daqshekk, qed jinkwetaw li l-kalkoli tal-Ministru ma sarux sew. Ma ttihomx tort meta tara li l-previżjonijiet tas-sena l-oħra marru żmerċ b’aktar minn €750 miljun. Għamiltu dejn id-doppju milli ppjanajtu u nqastu li twettqu terz tal-wegħdiet li għamiltu. La l-Gvern nieqes mill-ideat se ntikom ftit ħjiel ta’ dak li fassalna bħala Partit Nazzjonalista biex f’pajjiżna nerġgħu nattiraw setturi ġodda li joħolqu xogħol u tkabbir ekonomiku ġdid.

Nista’ noqgħod nistenniekom tgħaxxquha”

Pajjiżna bħalissa qed jiffaccja t-theddida tal-greylisting li qed jipperikola uħud mill-aktar industriji importanti u li jrendu f’pajjiżna. Lanqas biss tindenjaw ruħkom tispjegaw lill-eluf ta’ ħaddiema li għaddejjin minn żmien diffiċli ħabba fikom, kif qed għallinqas tippruvaw isewwu l-ħsara kbira li għamiltu. Għalija, l-aktar ħaġa faċli tkun li npoġġi kwiet u noqgħod nara kif se ssolvu l-problemi li daħħaltuna fihom.

Kieku kelli jiena noqgħod kwiet, nistenniekom tgħaxxquha aktar, inkun qed nonqos milli nwettaq id-dover tiegħi, nonqos mill-ħalfa li għamilt f’dan il-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista kien u għadu dak il-partit li jrid jiggwida lil dan il-pajjiz minn fost l-għawġ u żminijiet diffiċli. Hekk għamilna meta intom friżajtu l-applikazzjoni ta’ Malta biex nidħlu fl-Unjoni Ewropea. Hekk għamilna meta kontu għoddkom kissirtu d-demokrazija fil-pajjiż.

L-objettivi li tiddikjaraw huma ħafna drabi kontradittorji fihom infushom u tiddikjarawhom biss bi bluff, il-poplu nduna li għandhom ħafna u ħafna bluff u ftit sustanza. Ħalli nsemmilkom ftit minn dan il-bluff li użajtu fl-aħħar snin biss:

Tiftakar Prim Ministru meta ddikjarajtu b’tant pompa li Malta se ssir blockchain island? Kien hemm ħafna studenti li bdew jistudjaw il-blockchain. U issa? Wara li applikaw 19 il-kumpannija għal-liċenzja u ħallewhom imdendlin.

Tiftakru Prim Ministru meta għedtulna li Malta trid issir l-ewwel pajjiż fl-Ewropa bil-karozzi kollha jimxu bl-elettriku? Tafu li l-200 charging stations li wegħdtu s-sena l-oħra għadhom lanqas ma ġew installati. Dan meta bħalissa diġà hawn 4,000 vettura elettrika jiġifieri l-minimu tal-ambizzjoni tagħkom kellu jkun 600 charging station għax skont l-istandard tal-Kummissjoni Ewropea jrid ikollok tal-inqas charging station waħda għal kull 7 vetturi fit-triq? Twegħduna imbagħad tispiċċaw twettqu ftit li xejn.

U xi nghidu fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta Sur Prim Ministru? Wegħedtuna l-aqwa żmien u issa ġibtuna f’sitwazzjoni fejn aħna l-uniku pajjiż fl-Ewropa li qegħdin fuq il-lista l-griża.

Tiftakar Prim Ministru meta għedtilna li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu, u mbagħad għandek inkjesta indipendenti ta’ tlett Imħallfin tgħidilna li l-Kabinett kollu ghandu ‘responsabbilta kollettiva’ li ħloqtu stat ta’ impunità, li wassal għall-qtil ta’ ġurnalista. Din hija r-realtà ta’ Gvern li jmexxi bil-bluff.

Il-Partit Laburista ma jippermettix xandir ħieles, ikollkom joqgħodu lura milli tisparpaljaw il-flus tal-poplu u ma timlewx il-pajjiz bil-billboards u l-letterboxes bil-leaflets. Għalhekk intom kostretti li tkomplu żżommu l-PBS pupazz tagħkom, li l-bulettin jiġi deċiż f’Kastilja mhux fi Gwardamangia u li d-diskussjoni politika fuq it-TV trid tiġi awtorizzata minnek Prim Ministru, 15-il-ġurnata qabel, għax inkella jinkixef il-bluff u dan wara li qridtu l-programmi ta’ diskussjoni ta’ dawk li ma stajtux tikkontrollaw.

Baġit alternattiv tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern

Aħna nemmnu li l-ekonomija taghna tirrikjedi ħafna aktar kuraġġ milli wera l-Ministru Caruana. Naqsam miegħek viżjoni ta’ Baġit alternattiv għal dak li habbar il-Ministru. Nispjega kif ikun Baġit alternattiv tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. L-ewwel pass tagħna huwa li nieħdu l-mizuri t-tajba tal-Baġit iżda ninkwadrawhom fi pjan b’vizjoni li tara li t-tfal tagħna ma jitgħabbewx bid-dejn li qed inżidu llum.

Hemm ukoll miżuri f’dan il-Baġit li huma tajbin però l-Gvern qed jibża milli jtihom appoġġ sħiħ. Isemmihom imma b’nofs qalb. Il-Baġit alternattiv tagħna mbagħad se jara wkoll li bħalma għamilna fil-passat, nattiraw setturi ġodda u tkabbir ġdid li jassigura li għada nkunu nistgħu nserħu fuq ekonomija soda u li trendi.

Fost il-miżuri li aħna nqisu posittivi f’dan il-Baġit, hemm it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-part-time u l-miżuri dwar il-propjetà li għandhom jgħinu biex jagħtu dehra aħjar fil-villaġġi tagħna.

Miżuri tajbin li l-PN ilu jinsisti fuqhom, fosthom dawk tal-mediċini b’xejn għall-mediċini tal-IVF. L-ewwel kritikawna għax qalulna li ma kien hemm l-ebda issue, issa fl-aħħar skoprew li vera ma kienx b’xejn!!

Fuq il-mediċini tal-kanċer. Hawn naqblu wkoll. Issa qbiltu magħna li hemm bżonn li iżjed minnhom se ikunu fil-formularju. Għandna bżonn nagħmlu iżjed hawnhekk. Kif ilna ngħidu.

Naqblu wkoll bla dubju dwar iż-żieda fil-pensjonijiet. Hawn nixtiequ immorru pass oltre hemm bżonn li nwaqqfu s-serq minn fuq il-kontijiet tad-dawl, li filfatt jaqbeż ferm iż-żieda li tajtu lill-pensjonanti u ż-żieda tal-COLA.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt id-diskors tiegħu qal ukoll kif bħala Gvern alternattiv, l-Partit Nazzjonalista se jtejjeb dawn il-miżuri u kif se nimplimentawhom fil-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li jemmen fik, fil-ħiliet tiegħek – u għalhekk se  jibqa’ jinvesti fik. Kien għalhekk li fid-diskors tiegħu fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech preżenta numru ta’ proposti.

“Naqsam miegħek viżjoni ta’ Baġit alternattiv għal dak li habbar il-Ministru. Nispjega kif ikun Baġit alternattiv tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. L-ewwel pass tagħna huwa li nieħdu l-mizuri t-tajba tal-Baġit iżda ninkwadrawhom fi pjan b’viżjoni li tara li t-tfal tagħna ma jitgħabbewx bid-dejn li qed inżidu llum.”

Hemm ukoll miżuri f’dan il-Baġit li huma tajbin però l-Gvern qed jibża milli jtihom appoġġ sħiħ. Isemmihom imma b’nofs qalb. Il-Baġit alternattiv tagħna se jara li bħalma għamilna fil-passat, nattiraw setturi ġodda u tkabbir ġdid li jassigura li għada nkunu nistgħu nserħu fuq ekonomija soda u li trendi.”

EDUKAZZJONI: Gvern Ġdid Nazzjonalista mhux biss iżid l-istipendji b’10% iżda jżid l-istipendji tal-professjonijiet l-aktar meħtieġa, infermieri, għalliema, social workers, care workers u diversi oħrajn b’25% oħra. Proposta oħra hija li ż-żgħażagħ kollha Maltin u Għawdxin minn 16 sa 21 sena jingħataw voucher ta’ €500 li bih imorru btala fl-Ewropa.

TRASPORT: Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li jippromwovi b’saħħa kbira s-servizzi ta’ car sharing u car pooling. Se jkun varat proġett ambizzjuż fejn il-flotta kollha tal-karozzi tal-linja jkunu kompletament ħielsa mid-duħħan u jkunu kollha jaħdmu bl-elettriku sas-sena 2025.

ŻGĦAŻAGĦ: Biex ngħinu koppji żgħażagħ u persuni oħra jsiru propjetarji ta’ darhom, Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li jinħoloq fond ta’ garanzija tal-Istat li jidħol jagħmel tajjeb għas-self tal-bank li jkopri minn 10% sa 25% tal-prezz tal-bejgħ tal-propjetà. Proposta oħra hija li jkun hemm eżenzjoni sħiħa tal-VAT ikkapjata sa €10,000 fuq l-ispejjez kollha relatati mal-finishings u furnishing ta’ djar u appartamenti li jinxtraw ġebel u saqaf jew unfurnished.

GĦAWDEX: Il-Partit Nazzjonalista jemmen fl-Għawdxin u l-potenzjal tagħhom għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista se jinvesti f’2 vapuri ġodda, jagħmel helipad fl-Isptar u jagħmel sptar ġdid għall-Għawdxin ta’ 400 mitt sodda.

AMBJENT: Jekk ikun hemm proġetti ta’ interess pubbliku, bħal sptar jew skola, jersqu quddiem il-Parlament u jkunu approvati biż-żewġ terzi. Apparti dan Gvern ġdid Nazzjonalista se jreġġa’ lura l-proċess ta’ urbanizzazzjoni sfrenata li ħonqot ħafna żoni ta’ Malta permezz ta’ miżuri pożittivi li mhux se jwaqqfu l-iżvilupp iżda li jassiguraw li l-familji jkollhom aktar ġonna pubbliċi viċin id-dar. Se jsiru wkoll hiking trails ġodda u jsir eżerċizzju ta’ tree mapping mal-Kunsilli Lokali.

XOGĦOL: Il-Partit Nazzjonalsita jemmen fil-prinċipju ta’ equal pay for equal work. Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li jkun hemm investiment organiku fil-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin.

GREY LISTING: Titwaqqaf taqsima speċjalizzjata li taqdi l-bżonnijiet tar-riċerka tad-due diligence għal nutara, accountants, avukati u professjonisti oħra li jiġu bżonnha bil-liġi jew fil-professjoni tagħhom. Se tingħata wkoll għajnuna lil dawk is-servizzi kollha li qed ibatu tassew biex isibu insurance valida tal-grad li għandhom bżonn fil-qasam tagħhom.

BDIEWA: Il-Partit Nazzjonalista diġà ressaq proposti li ġew milqugħa tajjeb ħafna kemm mill-bdiewa kif ukoll mis-sidien fosthom proposti fejn il-bdiewa jsiru sidien tal-art li jaħdmu. Dan isir b’fond ta’ garanzija li jara li jieħdu self bla interessi u bla spejjeż. Issir ukoll riforma mill-qiegħ tal-qbiela tal-Gvern.

Se jitressqu wkoll aktar proposti f’dawn is-setturi li jindirizzaw l-aċċess għas-suq u l-ispejjez dejjem jikbru.

SAĦĦA: Gvern Nazzjonalista se jagħti bonus li jammonta għal €14,000,000 li jitqassam fost il-frontliners kollha. Proposta oħra hija li t-tabib tal-familja jkun b’xejn għal dawk kollha li għandhom ‘il fuq minn 60 sena.

VAT/TAXXA: Ikun estiż l-bracket tal-eżenzjoni tal-VAT minn €30,000 għal €60,000, proposta li se tgħin lil eluf ta’ negozjanti żgħar, self-employed u professjonisti mhux biss biex joffru prodott irħas bla VAT iżda jitnaqqas bi ftit il-piż tal-għoli tal-ħajja f’ċerti prodotti kif ukoll titnaqqas il-burokrazija.

Se jkun estiż il-massimu tat-tax bracket tal-25% minn €60,000 għal €80,000 b’mod li jifdal sa €2000 iktar kull sena fil-but tal-ħaddiema.

FAMILJA: Il-Partit Nazzjonalsita diġà ħabbar proposti dettaljati ferm biex ikun hemm bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol, missier ta’ tarbija jkollu 15 il-ġurnata leave biex jibbondja aħjar mal-wild il-ġdid. Apparti din il-proposta se jingħataw 8 ġimghat leave tal-ġenituri li jkun iddedikat għat-trobbija tat-tfal.

TURIŻMU: Il-Partit Nazzjonalista diġà ressaq 100 proposta dettaljata li tindirizza diversi aspetti tas-settur turistiku kollu, min-niċeċ ġodda sa proposta li titnaqqas il-VAT għal 7% għall-bejgħ kollu fir-ristoranti u servizzi oħra tal-lukandi.

PENSJONIJIET:Gvern ġdid Nazzjonalista jikkunsidra sistema fejn iż-żieda tal-pensjonijiet kull sena tkun assigurata b’mekkaniżmu separat li jassigura bħala bażi li l-anzjani jiżdiedu d-doppju taż-żieda tal-ħaddiema.

TKABBIR EKONOMIKU:Il-viżjoni ekonomika tal-Partit Nazzjonalista sserraħ fuq il-konvinzjoni li Gvern ġdid Nazzjonalista bis-saħħa tal-poplu Malti bieżel u kapaċi, jattira investiment f’żewġ pilasti industrijali ewlenin. L-ekonomija l-ħadra u dik diġitali.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jistinka mill-ewwel ġurnata biex jattira tkabbir ġdid lejn pajjiżna. Issir riforma estensiva tar-reġim ta’ miżuri li biha jkun attirat l-investiment barrani.

Proposta oħra hija li jkun ippremjat bil-qawwi l-innovazzjoni u l-investiment kollu fil-kumpaniji li jerġa’ jiġi investit. Investiment f’setturi ta’ riċerka u innovazzjoni jkunu tax free għal-ewwel miljun ewro.

KUNTRATTI: Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jaqta’ l-kuntratt tal-Electrogas li għalih pajjiżna qed iħallas il-miljuni. Se jkun rivedut immedjatament il-kuntratt tal-Vitals u Steward.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dan kollu huwa investiment għal uliedna, investiment li l-frott tiegħu se jitgawda ‘l quddiem għax se jkun qed jiftaħ l-orizzonti ta’ wliedna, li huma l-futur ta’ pajjiżna.

Aħna rridu nkunu responsabbli aktar mill-Gvern preżenti, allura issa wara li spjegajt kif se nonfqu u fuqiex se nonfqu bħala Gvern Ġdid Nazzjonalista, se nispjega minn fejn se jiġu l-flus li se nonfqu. Dan għaliex eżerċizzju baġitarju serju jrid ikun imsejjes fuq analiżi korretta tas-sitwazzjoni finanzjarja.

L-estimi jridu jsiru sewwa mhux bħalma qed jagħmel il-Ministru Caruana li s-sena l-oħra ppjana dejn ta’ €750 miljun u filfatt għamel dejn ta’ €1.5 biljun. Żball ta’ €750 miljun.

Gvern ġdid Nazzjonalista se jistinka mill-ewwel ġurnata biex jattira tkabbir ġdid lejn pajjiżna. L-ewwel trigger għal dan se ikun propju il-bidla fil-Gvern, diġà qed nesploraw kuntatti ma’ Gvernijiet barranin fi ħdan l-EPP u ma investituri kbar barra minn Malta. Kif intom tafdawna bil-vot tagħkom għal Gvern ġdid Nazzjonalista se nibdew inwettqu mill-ewwel ġurnata.

Se nniedu riforma estensiva tar-reġim ta’ miżuri li bih nattiraw l-investiment barrani. Dak li huwa tajjeb se jibqa’, però rridu nirfinaw l-effettività u neliminaw ċerti diskriminazzjonijiet.

Nattiraw il-Green Economy u l-Ekonomija Diġitali

Nibdew biex, ma rridx nara aktar kumpaniji Maltin jew diretturi Maltin ippenalizzati meta mqabbla ma’ kompetituri tagħhom sempliċement għax dawn Maltin.

It-tieni se nippremjaw bil-qawwi l-innovazzjoni u l-investiment kollu fil-kumpaniji li jerġa’ jiġi investit. Bażikament qed naħdmu fuq sistema li sakemm il-profitt f’kumpanija ma jiġix imqassam f’dividends imma jiġi investit fuq ħaddiema, riċerka jew investimenti oħra dan jibqax jiġi intaxxat.

It-tielet u l-aktar importanti se naraw li investimenti f’setturi ta riċerka u innovazzjoni jkunu tax free għall-ewwel miljun ewro.

Settur minn dawn li qed nippjanaw li nattiraw huwa dak tal-green economy, b’mod partikolari it-teknoloġija tal-batteriji tal-karozzi elettriċi. Huwa mistenni li fl-Ewropa biss għandhom jinbiegħu 9 miljun karozza elettrika sal-2030. Immaġinaw x’saħħa ta suq u xi prospettiva għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħna li jistgħu jaħdmu f’setturi bħal dawn.

Il-viżjoni ekonomika taghna isserraħ fuq il-konvinzjoni li Gvern ġdid Nazzjonalista bis-saħħa tal-poplu Malti bieżel u kapaċi, se jattira investiment f’żewġ pilastri industrijali ewlenin. L-ewwel wieħed ikun l-ekonomija l-ħadra u t-tieni wieħed ikun l-ekonomija diġitali.

Bħalma attirajna 260 liċenzja fi ftit xhur fl-2001 fil-gaming, issa rridu nkunu kapaċi li nattiraw il-ġganti l-ġodda tal-internet fosthom il-pjattaformi kollha onlajn.

Inneħħu l-ħela u l-korruzzjoni

Id-dħul ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista se jiżdied b’dawn is-setturi ġodda li se nattiraw lejn pajjiżna. Se naraw ukoll li jiżdied id-dħul tal-Gvern billi neliminaw il-ħela fit-tmexxija filwaqt li nsaħħu l-kultura fiskali.

Neliminaw is-serq li għaddej fil-kontijiet tad-dawl fejn il-familja tiegħek qed tirċievi kontijiet għola, f’ċerta każijiet sa €80 f’kont wieħed. Se nagħtu lura sa €50 miljun li nikkalkulaw li nsterqu fl-aħħar snin lill-poplu fi ħlasijiet diretti mqassmin fuq l-ewwel sentejn ta’ Gvern Ġdid Nazzjonalista.

Se naraw li tieqaf il-ħela kollha fil-Ministeri li jagħtu direct orders galore. Minn rapporti riċenti joħroġ li 9 minn 10 kuntratti qed toħorġuhom direct order lil min tafu flok lil min hu kapaċi.

Bil-kompetizzjoni u t-tendering trasparenti se niffrankaw miljuni ta’ ewro. Aħna nikkalkulaw li tinżel l-ispiża tal-Gvern b’€20 miljun fis-sena minn hawn biss filwaqt li min jixtieq jikkompeti għal kuntratt tal-Gvern ikollu ċans jaqla’ lira kif jixraqlu.

Se naqtgħu il-kuntratti sangwisuga tal-Electrogas li għalih qed inħallsu €40 miljun aktar kull 15-il-xahar kif qal l-Awditur Ġenerali stess. Se nirrevedu immedjatament il-kuntratti tal-Vitals u Steward, tal-mistħija li l-Gvern nefaq aktar fuq Steward din is-sena milli nefaq fuq pensjonanti u fuq l-għoli tal-ħajja.

Bidla b’viżjoni li għandu bżonn il-pajjiż

Aħna se naraw li f’pajjiżna l-ambjent jitla ‘l fuq, għax irridu li uliedna jsibu spazji miftuħa, rridu nipproteġu l-kampanja Maltija u r-raba’.

Aħna se naraw li s-setturi tal-manifattura u l-importazzjoni ntuhom il-wens biex jaffrontaw il-kompetizzjoni internazzjonali mhux isofruha bi spejjeż li jispiċċaw jgħasruhom.

Aħna se naraw li inti li għandek ħolma ssib l-għajnuna biex twettaqa, billi ninvestu fil-ħiliet, u billi naraw il-valur tiegħek fuq kollox.

Aħna rridu li inti jkollok aktar ħin f’idejk, anqas ħin fit-traffiku, aktar leave mal-familja u anqas stress f’ħajtek.

Aħna rridu li t-tfal tagħna jikbru f’ambizzjoni kbira li jistgħu jsiru dak li jridu, jistinkaw, jistudjaw u ma jaċċettawx il-limiti, joħolmu u jirnexxilu jwettqu.

Aħna rridu li dan il-pajjiż jieħu ħsieb lil kulħadd, minn dak li qed iħaddem in-nies, sa dak li jrid jaffronta d-diffikultà ta’ saħħa jew diżabbiltà.

Aħna se nkunu Gvern li jemmen f’dal-poplu bieżel u f’din l-art sabiħa li rridu nsebbħuha aktar, għax aħna lil Malta inħobbuħa tal-inqas daqs kemm tħobbna. Din hija l-bidla b’viżjoni.

IKKUMMENTA