Lokali

Bilanċ għall-ewwel darba wara pressjoni mill-PN

Għall-ewwel darba wara ħafna żmien, il-bulettin ewlieni tal-Ħadd fuq Television Malta ma kinx żbilanċjat favur il-Gvern. Analiżi miġbura minn tim ta’ monitoraġġ għall-Partit Nazzjonalista turi li l-messaġġi tal-Gvern u l-Oppożizzjoni kienu rrappurtati b’bilanċ assolut – 8% kull wieħed. Il-kumplament kienu aħbarijiet ta’ interess pubbliku bla propoganda partiġġjana.

L-analisti nnutaw li lbieraħ, fin-nuqqas ta’ attivita’ politika mill-Prim Ministru Robert Abela, il-PBS rrapporta biss l-attivita’ politika tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonali. Dak b’kuntratt għal dak li sar ftit gimgħat ilu meta l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS tat prominenza lid-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista fuq il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha x-xhur turi fatti dwar żbilanċ sproporzjonat favur il-Gvern Laburista mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech nhar il-Ġimgħa kellu laqgħa maċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir li għandha l-irwol kostituzzjonali li tiżgura li l-aħbarijiet ta’ TVM jwasslu aħbarijiet veritieri, bilanċjati u imparzjali fl-interess pubbliku.

Bernard Grech qal li l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS m’għandhiex iservu ta’ pjattaforma għall-propoganda tal-Gvern. Qal ukoll li wasal iż-żmien li l-PBS ma jibqax dipartiment tal-Gvern waqt li tkellem kontra l-kunċett li reġa’ daħħal Gvern Laburista, dak ta’ Ministru resposabbli mix-Xandir Pubbliku. Nies midħla tax-Xandir Pubbliku qalu li irwol ta’ “Ministru tax-Xandir” huwa pass lura għat-tmeninijiet meta x-Xandir kien ddettat mill-esponenti tal-Gvern biss taħt il-kappa tal-Kap tax-Xandir.