Lokali Qorti

Eġizzjan jingħata l-pleġġ wara li ġie mixli li fera Libjan b’mus

Eġizzjan ta’ 28 sena, residenti il-Munxar, Għawdex ingħata l-libertà proviżorja wara li fera Libjan b’mus wara argument. L-akkużat ġie mixli li kkawża ġrieħi ħfief fuq il-persuna oħra li toqgħod faċċata tal-Eġizzjan. Huwa ingħata l-ħelsien mill-arres mill-Maġistrat Simone Grech li kienet qed tippresiedi l-Qorti ta’ Għawdex. Sadannitant l-allegat vittma mistenni wkoll jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.

L-Eġizzjan ġie akkużat li għall-ħabta tas-7.30am ta’ nhar il-Ġimgħa weġġa’ ħafif lil Libjanb’ arma li taqta’ u bil-ponta fi Triq ir-Ranċiż, il-Munxar. Huwa ġie mixli wkoll li kien qed iġorr l-arma mingħajr il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija. Kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li kiser ordni tal-Qorti u l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ 200 ewro u li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Għawdex. Għalih deheru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.