“Ejjew inwelldu Malta tassew għal kulħadd. Ejjew flimkien niktbu l-ġejjieni li rridu ngħixu. Ejjew flimkien inwettqu flimkien din il-bidla b’viżjoni”.
Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet wara r-replika għall-Budget.
Bernard Grech qal il-Budget kien budget għal-lum biss, budget li jinsa li hemm għada. Gvern li ħeba s-sitwazzjoni ekonomika vera ta’ dan il-pajjiż fosthom dwar l-Air Malta. Gvern li qal li f’dawn is-sentejn se jkun għamel 2.8 biljun ewro dejn fuq dahar il-poplu.
Il-Kap tal-PN qal li kien hemm wegħdi li taru mar-riħ i i kienu kolonni tal-politika tal-Gvern fosthom it-twettiq tal-blockchain island. Gvern Laburista li bilfors irid jaħkem l-informazzjoni ħielsa taħt idejh sabiex jimmanipula u jgħatti dak li verament qed jagħmel. Saħaq li hemm bżonn li jitwaqqaf is-serq minn fuq il-kontijiet tad-dawl, li jaqbeż ferm iż-żieda li ħadu l-pensjonanti u ż-żieda tal-COLA.
Bernard Grech qal li l-PN irid ikun gvern li jibni fuq it-tajjeb u jsewwi l-ħażin, fejn l-istudenti jidħlu għal dawk il-korsijiet l-aktar fil-bżonn għas-soċjeta. Gvern Ġdid Nazzjonalista mhux biss iżid l-istipendji b’10% iżda jżid l-istipendji tal-professjonijiet l-aktar meħtieġa b’25%.
Il-Kap tal-PN qal li Gvern ġdid Nazzjonalista ser iżid b’mod sostanzjali l-pagi tal-għalliema u jara wkoll li l-progress fil-karriera jkun ħafna aktar imħaffef milli huwa bħalissa. Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li żagħżagħ ta’ 16-il-sena jew akbar jingħataw voucher speċjali tal-ivjaġġar biex jagħmlu vjaġġ fl-Ewropa ta liema xorta jridu u liema pajjiż jridu li jkun fih komponent kulturali, ta’ snajja’, edukattiv jew sportiv.
Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista ser jara li jippromwovi b’saħħa kbira s-servizzi ta’ car sharing u car pooling fejn inti jkollok karozza li tiġi għalik id-dar u tieħdok ix-xogħol jew band’oħra bil-kumdita’ kollha u bla stress ta’ parking.
Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalista iwiegħed proġett ambizzjuż fejn il-flotta kollha tal-karozzi tal-linja tkun kompletament ħielsa mid-duħħan u jkunu kollha jaħdmu bl-elettriku sas-sena 2025. Mis-sena d-dieħla jidħol mekkaniżmu ta’ inċentiv fiskali fejn min iħaddem ikollu tax credits meta dan jinvesti fil-ħiliet u jżid il-paga tal-ħaddiema tiegħu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-idea li titneħħa t-taxxa fuq djar antiki hija tajba. Iżda Gvern ġdid Nazzjonalista ineħħi l-kundizzjoni tas-seba’ snin minnufih u jestendi din il-miżura għad-djar kollha f’Urban Conservation Area li jżommu l-karattru sabiħ tal-irħula Maltin u Għawdxin.
Koppji żgħażagħ u persuni oħra se jkunu mgħejjuna biex isiru propjetarji ta’ djarhom billi jinħoloq fond ta’ garanzija tal-istat li jidħol jagħmel tajjeb għas-self tal-bank li jkopri minn 10% sa 25% tal-prezz tal-bejgħ tal-propjeta’. Apparti dan se jkun hemm eżenzjoni sħiħa tal-VAT ikkapjata sa għaxart’elef ewro fuq l-ispejjeż kollha relatati mal-finishing u furnishing ta’ djar u appartamenti li jinxtraw ġebel u saqaf jew ma jkunux lesti.
Bernard Grech qal li jrid li f’Għawdex tissaħħaħ il-konnettività fejn Gvern ġdid Nazzjonalista jagħmel helipad fl-isptar ġenerali biex min ikun f’riskju ta’ ħajtu ma jinqalibx min ambulanza għal oħra 4 darbiet qabel jasal Mater Dei. Apparti dan ikun hemm investimet f’2 vapuri ġodda.
Fl-inizjattivi ambjentali tiddaħħal sistema fejn jekk il-gvern ikun irid jagħti art ODZ bħal dik taż-Żonqor– dan ikun possibbli biss bil-permess taż-żewg terzi fil-parlament. Il-Partit Nazzjonalista se jkun ambizzjużi fuq il-miri ambjentali ta’ pajjiżna, fuq ir-riċiklaġġ tal-iskart, fuq l-użu tal-iskart elettroniku, fuq l-ekonomija ċirkolari, fuq il-kwalità tal-arja u tal-baħar se jara li jkun verament fuq quddiem tal-pajjiżi Ewropej.
Fejn jidħol is-settur tax-xogħol, Gvern ġdid Nazzjonalista jemmen tassew fil-prinċipju tal-equal pay for equal work. Se jkun ukoll rikonoxxut l-impenn tal-frontliners billi jingħataw bonus li jammonta għal 14 il-miljun eero li jitqassam fuq il-frontliners kollha.
Bernard Grech qal Gvern ġdid Nazzjonalista jestendi l-bracket tal-vat exempt minn 30 elf għal 60 elf ewro. Proposti oħra hi li missier ta’ tarbija jkollu 15 il-ġurnata leave u 8 ġimghat leave tal-ġenituri.
Gvern ġdid Nazzjonalista se jestendi l-massimu tat-tax bracket tal-25% minn 60,000 ewro għal 80,000 b’mod li tħallilek sa 2000 ewro kull sena aktar fil-but. Huwa qal li fit-turiżmu diġà tħabbru 100 proposta dettaljata li tindirizza diversi aspetti tas-settur turistiku kollu, min-niċeċ u kif ser inqajmuhom sa propost li jnaqsu VAT għal 7% għall-bejgħ kollu fir-restoranti u servizzi oħra tal-lukandi.
Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalista irid li t-tabib tal-familja ikun b’xejn ghal dawk kollha il-fuq minn 60 sena. Din il-miżura mhux biss tissolleva parti mill-piżijiet tal-għoli tal-ħajja talli issaħħaħ aktar il-kura fil-komunita’ fejn nisimgħu dejjem li kollox irid jibda mill-kura primarja.
Il-vizjoni ekonomika tal-PN isserraħ fuq il-konvinzjoni li Gvern ġdid Nazzjonalsita bis-saħħa tal-poplu malti bieżel u kapaċi, ser jattira investiment f’żewġ pilastri industrijali ewlenin: l-ewwel wieħed ikun l-ekonomija l-ħadra u t-tieni wieħed ikun l-ekonomija diġitali.
Bernard Grech qal li “l-bidla b’viżjoni li ghħndu bżonn pajjiżna hi li naraw li inti li għandek ħolma issib l-għajuna tiegħi u ta sħabi biex twettaqa, billi ninvestu fil-ħiliet, u billi naraw il-valur tiegħek fuq kollox – lil hinn mill-prezz tiegħek.”
“Il-bidla b’viżjoni li għandu bżonn pajjiżna hi li inti jkollok aktar ħin f’idejk – anqas ħin fit-traffiku, aktar leave mal-familja u anqas stress f’ħajtek.
“Aħna rridu li t-tfal tagħna jikbru f’ambizzjoni kbira li jistgħu isiru dak li jridu, jistinkaw, jistudjaw u ma jaċċettawx il-limiti u jekk iridu jtejbu l-ħiliet tekniċi jew nsajjiet tagħhom aħna rridu li jirnexxiohom ukoll għaliex kull professjoni, kull xogħol kull idea kreattiva kull proġett intrapreditorjali huwa unur għal kull min joħolmu u jirnexxilu jwettqu. Il-bidla b’viżjoni li ghandu bżonn pajjiżna hi li nieħdu ħsieb lil kulħadd, minn dak li qed iħaddem in-nies, sa dak li jrid jaffronta d-diffikulta ta’ saħħa jew disabilita’.
Bernard Grech saħaq li “aħna se nkunu Gvern li jemmen f’dal-poplu bieżel u f’din l-art sabiħa li rridu nsebbħuha aktar kemm fl-art kif ukoll fl-isem tagħha mal-popli tad-dinja.”
//= $special ?>