Ir-raġel ta’ 32 sena li tħalla mixħut mal-art fuq bankina mill-imgħallem tiegħu wara li waqa’ żewġ sulari f’sit tal-kostruzzjoni, fl-aħħar jiem kien rilaxxat mill-isptar.
Jaiteh Lamin kien instab mixħut mal-art fit-28 ta’ Settembru, u jidher li issa rkupra sew mill-ġrieħi li kellu.
F’messaġġ fuq Facebook Caroline Galea il-mara li sabet lil Lamin mal-art fil-Mellieħa qalet li grazzi għad-donazzjonijiet ta’ ħafna nies, se jkun hemm carer li se toffri għajnuna medika lil Lamin li qed jirkupra mill-feriti f’dahru u f’idu.
Hija qalet li wara dan l-inċident saret taf ferm aktar mill-viċin lil Lamin u indunat kemm għandu karattru ferrieħi bid-daħqa tiegħu timla l-kamra li jkun fiha. Galea qalet li fl-isptar Lamin irrakontalha minn xiex għadda fil-passat mal-familja kif ukoll uriha xi x-xogħol artistiku tiegħu.
Fil-post tagħha Galea qalet li se tittella’ protesta oħra biex issir ġustizzja ma’ Lamin u mal-ħaddiema l-oħra li sofrew inċidenti simili.
Il-kuntrattur Glen Farrugia, Direttur tal-kumpanija J&G Contractors li qed jiġi mixli li kkaġuna b’mod volontarju ġrieħi gravi fuq Lamin, ingħata l-libertà proviżorja. Farrugia jrid jagħmel tajjeb għall-ħelsien tiegħu b’depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €30,000, irid ikun id-dar sa nofs il-lejl u ma joħroġx qabel il-5am. Il-kuntrattur irid jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ.
//= $special ?>