Lokali

L-armla tan-Nutar Barbara tappella milli ssir inkjesta fuq frodi

L-armla tan-Nutar Ivan Barbara qed tappella mid-deċiżjoni tal-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo milli ssir inkjesta dwar il-possibiltà ta’ frodi b’rabta ma’ flus li kienu ngħataw lin-Nutar Barabara mill-klijenti tiegħu.

In-Nutar Barbara kien fl-aħbarijiet l-ewwel darba meta f’Marzu li għadda …hekk kif wasal l-Indja biex ma martu jaddottaw tarbija…. qabditu l-Covid. Hu kien miet ftit wara meta kien se jibda l-vjaġġ lura lejn Malta.

Iżda minn dakinhar, il-każ tiegħu żvolġa b’mod li ma kienx mistenni hekk kif għadd ta’ klijenti li kienu jinqdew bin-nutar bdew jispkopru li flejjes li kienu ħallsu bħala depożiti u li suppost kienu miżmuma f’kont apposta, kienu sparixxew.

Kien hawn li uħud minnhom bdew proċeduri l-Qorti fejn talbu li tinfetaħ inkjesta fil-konfront tal-armla tan-nutar. Mhux magħruf jekk minbarra l-persuni li għamlu t-talba għall-inkjesta kienx hemm klijenti oħra li tilfu flushom, għalkemm rapporti qed jgħidu li hemm aktar persuni li ngidmu b’dan il-mod.

It-talba saret minn Simon Mallia, Valerie Mallia u Matthew Sacco …..li kienu klijenti tan-Nutar u li qed isostnu li ħallsu aktar minn €30,000 bejniethom lin-nutar bħala depożiti, u li sal-lum baqgħu friżat.

Rosanne Barbara Zarb li rrifjutat il-wirt ta’ żewġha qalet li hi ma kinitx taf b’dak li kien qed jagħmel in-Nutar Barbara u li l-uniku rabta tagħha ma’ dawn il-flus kienet li hi kienet martu. Hija ċaħdet ukoll li meta adottaw lil binthom użaw il-flus tal-klijenti ta’ żewġha.

Barbara Zarb qalet ukoll li hi u n-Nutar kellhom kontijiet tal-bank separati ħlief għal wieħed u li kienu jaħdmu b’mod indipendenti minn xulxin.