Futbol Sport

L-Ingilterra b’multa mill-UEFA wara l-inkwiet fil-finali tal-Euro 2020

L-Ingilterra weħlu multa u partita waħda li se tintlagħab b’bibien magħluqa wara l-inkwiet li kien inqala’ fil-finali tal-Euro 2020. L-Ingilterra tista’ wkoll teħel partita oħra jekk jinqala’ nkwiet simili fi żmien sentejn.

L-FA Ingliża weħlet multa ta’ mitt elf ewro wara li nstabet ħatja ta’ nuqqas ta’ ordni u dixxiplina barra u anke fl-istadium. Fi stqarrija, l-FA qalet li minkejja li hija diżappuntata bid-deċiżjoni se tkun qed tirrispetta l-eżitu tal-UEFA.

Fil-finali kontra l-Italja, numru ta’ partitarji ġġieldu mal-pulizija u l-istewards li kien hemm fl-istadium hekk kif pruvaw jidħlu minkejja li ma kellhomx biljett. Il-pulizija Ingliża qalet li għamlet 51 arrest b’rabta ma’ dan l-inċident b’26 minnhom isiru f’Wembley Stadium stess.