Internazzjonali

L-Ungerija: Peter Marki-Zay se jisfida lil Viktor Orban fl-elezzjoni

Peter Marki-Zay, sindku provinċjali u politiku konservattiv, intgħażel biex jisfida lill-Prim Ministru Viktor Orban fl-elezzjoni ġenerali tas-sena d-dieħla fl-Ungerija. Marki-Zay, li mhu affiljat mal-ebda partit, kiseb id-dritt li jikkuntesta kontra Orban għan-nom tal-Oppożizzjoni wara li rebaħ vot dirett kontra Klara Dobrev, li hi politiku taċ-ċentru-xellug. Intant, hu, issa, mistenni jmexxi Oppożizzjoni magħquda fl-elezzjonijiet għall-Parlament ta’ Budapest.

L-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni qed jindikaw li Marki-Zay, fil-fatt, għandu ċans tajjeb li jegħleb lil Orban, politiku tal-lemin magħruf għall-aġenda radikali tiegħu, u li l-Partit Fidesz tiegħu ilu fil-Gvern mill-2010.

Meta kellem lill-partitarji f’Budapest, Marki-Zay qal li l-Oppożizzjoni qed taħdem ‘għal Ungerija aktar onesta u mhux biss biex tieħu l-post ta’ Orban u l-partit Fidesz ( fil-gvern)’. Min-naħa tagħha, Klara Dobrev għamlitha ċara li hi, minn issa ‘il quddiem, qed tappoġġja lil Marki-Zay u fejn ħeġġet ukoll għall-għaqda fost l-elementi tal-Oppożizzjoni.

Il-Partit Fidesz ilu s-snin jibbenefika min-nuqqas ta’ għaqda u d-diżgwid bejn il-partiti tal-Oppożizzjoni. Iżda l-Ungerija, din id-darba, kapaċi riesqa tassew lejn era politika ġdida  għaliex – għall-ewwel darba mindu ħa l-poter – Viktor Orban se jkun qed jiffaċċja ‘unjoni soda’ ta’ partiti (fl-Oppożizzjoni) li jinkludu l-liberali, is-soċjalisti u l-moviment Jobbik taċ-ċentru-lemin.

Fl-istess ħin, Peter Marki-Zay qed jikkonvinċi dejjem aktar bħala ‘għażla kredibbli’ għall-votanti tal-lemin u tax-xellug tal-ispektrum politiku fl-Ungerija. Hu jidher ukoll li qed jappella lill-votanti li xebgħu mill-politika diviżiva ta’ Viktor Orban, u b’mod partikulari l-politika tal-Gvern Ungeriż kontra l-immigrazzjoni.