Lokali Qorti

Libertà kondizjonata fuq serq minn karozza u attentat minn oħrajn f’Birkirkara

Mara ta’ 37 sena ġiet iliberata bil-kundizzjoni li ma twettaqx reat ieħor fi żmien 20 xahar wara li ammettiet li serqet diversi oġġetti minn karozza u li ppruvat tisraq minn karozza oħra f’Birkirkara. Hija ngħatat il-libertà kkundizzjonata wara li l-Qorti fost affarijiet oħra qieset l-ammissjoni bikrija tagħha.

Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo s-Sibt, Myra May Agius ammettiet l-akkużi miġjubin kontriha, dik li wettqet dawn ir-reati fi Triq Anġlu Mallia bejn is-1.00am. u t-3.00am. ta’ nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru li għadda. Għal Agius deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Andrew Agius.