Lokali

Martin Galea De Giovanni se jirrappreżenta l-NGOs ambjentali fuq il-Bord tal-ERA

Il-gruppi jtennu t-talba biex il-laqgħat tal-bord ikunu miftuħin għall-pubbliku

Martin Galea De Giovanni ser ikun ir-rappreżentant tal-NGOs ambjentali fuq il-bord tal-Awtorità għar-Riżorsi Ambjentali (ERA), wara li ġie nominat minn numru ta’ għaqdiet. Galea De Giovanni se jieħu l-post tal-Professur Alan Deidun li rriżenja iżjed kmieni din is-sena.

Galea De Giovanni huwa Direttur ta’ Friends of the Earth (Malta), u sa mill-2000 ilu attiv fi kwistjonijiet ambjentali relatati mal-agrikoltura, il-bijodiversità, l-immaniġġjar tal-iskart u l-ġustizzja klimatika. Huwa jirrappreżenta wkoll lill-NGO fil-laqgħat internazzjonali, kif ukoll bħala Membru tal-Bord Eżekuttiv ta’ Friends of the Earth Europe fi Brussell. Galea De Giovanni huwa gradwat b’M.Sc fil-Ġestjoni u l-Ippjanar Ambjentali mill-Università ta’ Malta.

Fi stqarrija, il-gruppi rringrazzjaw lill-Professur Deidun tal-ħidma tiegħu fuq il-bord tal-ERA sal-mument tar-riżenja tiegħu.

Il-gruppi ambjentali tennew it-talba tagħhom sabiex il-laqgħat tal-bordijiet tal-ERA jinfetħu għall-pubbliku, u ġibdu l-attenzjoni li din it-talba diġà saret darbtejn lill-Ministru tal-Ambjent Farrugia, iżda mingħajr tweġiba.

Il-gruppi ambjentali saħqu li huwa fl-interess tat-trasparenza u l-integrità li l-pubbliku għandu jkun jista’ jsegwi u jagħmel rappreżentazzjonijiet matul il-laqgħat tal-bord tal-ERA, fejn jittieħdu deċiżjonijiet importanti li jaffetwaw l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. Taħt is-sistema attwali huwa impossibbli li jiġu rappreżentati r-residenti. Huma jemmnu wkoll li l-voti ta’ kull membru tal-bord għandhom jitniżżlu fil-minuti u jiġu ppubblikati, kif jitlob il-prinċipju tar-responsabbiltà.

L-ENGOs qed jitolbu wkoll li jinbidlu r-regoli tal-PA u l-ERA sabiex ikunu jistgħu jinnominaw sostitut għas-Sur Galea De Giovanni kif ukoll għar-rappreżentant tal-NGOs fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-gruppi ambjentali qalu li diġà kellhom żewġ seduti ewlenin tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn ir-rappreżentanta tal-NGOs kellha tirtira minħabba li kienet iddikjarat il-vot tagħha minn qabel. Iżda dan seħħ waqt it-twettiq ta’ dmirha stess fejn kellha tivvota fuq l-istess applikazzjoni f’seduta preċedenti. Dan wassal għal sitwazzjoni inġusta fejn l-NGOs tħallew mingħajr vot u vuċi fuq il-bord tal-PA, u wkoll li għexieren ta’ residenti u persuni li oġġezzjonaw ma kellhom ebda rappreżentazzjoni.”

Il-gruppi ambjentali sostnew li “Aħna nemmnu li ż-żewġ talbiet tagħna jaqblu mal-kunċett ta’ trasparenza li wiegħed Farrugia meta sar Ministru għall-Ambjent, u li għandu jaġixxi sabiex jirranġa żewġ sitwazzjonijiet li jpoġġu lilna u lir-residenti fi żvantaġġ ulterjuri. Nistennew bil-ħerqa li l-Ministru Farrugia jimplimenta dawn il-bidliet sabiex tiġi ggarantita r-rappreżentazzjoni tagħna.”