Internazzjonali

Stati Uniti: Imut l-eks Segretarju tal-Istat Colin Powell

Colin Powell, li kien l-ewwel raġel iswed li kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tal-Istat Amerikan, miet fl-età ta’ 84 sena minn kumplikazzjonijiet tal-marda Covid. Powell kien protagonista f’diversi amministrazzjonijiet immexxijin mir-Repubblikani u għen isawwar il-politika barranija tal-Istati Uniti fl-aħħar parti tas-seklu għoxrin u fl-ewwel snin ta’ dan is-seklu.

Colin Powell kien ukoll strumentali bħala l-Kap jew Chairman tal-Joint Chiefs of Staff tal-Istati Uniti u sar famuż madwar id-dinja bħala uffiċjal ewlieni militari li qeda dmiru lill-Istati Uniti b’distinzjoni.

Hu kien iġġieled bħala suldat fil-Gwerra tal-Vjetnam u, fis-snin tmenin, kien sar l-ewwel raġel iswed inkarigat bħala konsulent dwar is-sigurtà nazzjonali lejn l-aħħar tal-Presidenza ta’ Ronald Reagan. Hu, imbagħad, ingħata t-tmexxija tal-Joint Chiefs of Staff taħt l-eks President H.W. Bush u l-popolarità tiegħu kompliet tikber wara r-rebħa tal-koalizzjoni militari ( immexxija mill-Istati Uniti) fil-Gwerra tal-Golf.

Kien hemm ukoll żmien, f’nofs is-snin disgħin, meta Colin Powell kien ikkunsidrat ukoll bħala ‘sfidant importanti’ għall-Presidenza tal-Istati Uniti.