Lokali

“Bżonn ta’ Gvern li jġib lura r-reputazzjoni li tixraq lil pajjiżna” – Bernard Grech

Konrad Mizzi kellu jċedi quddiem is-saħħa ta’ Oppożizzjoni Nazzjonalista b’saħħitha, magħquda u effettiva u b’hekk se jkollu jidher quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech t-Tlieta waranofsinhar fuq l-istazzjon tar-radju NET FM waqt il-programm Feedback, preżentat mill-ġurnalist Dione Borg.

Bernard Grech spjega li filwaqt li Konrad Mizzi spiċċa jiddefendi lill-Gvern Laburista, hekk ukoll dan il-Gvern tal-Labour baqa jiddefendih sal-aħħar…iżda insista li Konrad Mizzi ma jistax jibqa’ jaħrab.

Rigward l-istħarriġ ppublikat mill-kumpanija tal-awdituri EY, fejn wera li bosta investituri barranin ma jarawx lill-pajjiżna bħala wieħed ideali biex jinvestu flushom fih Bernard Grech saħaq li din ma hija aħbar sabiħa xejn u hija waħda li verament għandha tinkwietana.

Iżda insista li wisq aktar tinkwetah l-inkapaċità tal-Prim Ministru Robert Abela sabiex jindirizza din il-problema, waħda li ħoloq huwa stess.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista għandu pjan serju għal futur ta’ uliedna – wieħed li jġib lura r-reputazzjoni li tixraq lill-poplu Malti u Għawdxi, reputazzjoni internazzjonali li konna ngawdu taħt Gvernijiet Nazzjonalisti li kienu jiġbdu l-investiment tal-barrani.

Bernard Grech saħaq li pajjiżna jeħtiġlu Gvern li jaf fejn irid imur, Gvern li mhux biss iħaddem lil tal-qalbha iżda wieħed li verament jagħti l-opportunitajiet lill-kulħadd u mhux biss jimxi bid-direct orders li jagħti lil ta’ madwaru.

Huwa temm jgħid li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jeħtiġilhom ambjent li jistgħu jgawdu flimkien ma’ uliedhom u insista li hemm bżonn b’mod konkret bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja..l-għaliex il-ħaddiema m’humiex biss numru iżda għandhom familja d-dar li tkun qed tistennihom u li jkunu jridu jgawdu.