Budget 2022 Lokali

“Flimkien nibnu l-ġejjieni li rridu ngħixu” – Bernard Grech

“Flimkien iva, jiena nemmen li nistgħu nwelldu Malta tassew għal kulħadd u nibnu l-ġejjieni li rridu ngħixu.”

Kien dan il-messaġġ li għadda l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech meta kien qed jagħti l-ewwel reazzjoni tiegħu għad-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela li għamel fil-Parlament.

Bernard Grech qal li ftit tal-ħin ilu assistejna għal diksors ta’ Prim Ministru li injora għal kollox l-iktar kwestjonijiet importanti li qed jolqtu lill-pajjiż illum. Prim Ministru irresponsabbli li ħalla l-inċertezza ta’ elezzjoni mdendla għax jinteressah biss l-interess tal-Partit Laburista u ma jinsteressahx li jħalli l-inċertezza fin-negozji.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru kkonferma kemm il-PN kellu raġun meta qal li dan kien Budget għal-lum biss. Saħaq li Robert Abela lanqas biss semma s-survey tal-EY li ħareġ illum dwar pajjiżna. Turija ċara tal-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni ta’ Malta minħabba l-greylisting.

Bernard Grech qal li fuq il-mediċini l-PN qed jagħmilha ċara li jżid l-għajnuna u mhux inaqqasha. Żied jgħid li l-bidla li pajjiżna għandu bżonn fost l-oħrajn hija wkoll bidla biex ikun protett l-ambjent Malti u Għawdxi.

Huwa qal li l-bidla fil-viżjoni tfisser li s-settur tal-manifattura jingħata l-wens biex jaffronta l-kompetizzjoni internazzjonali fejn Partit Nazzjonalista jinvesti fil-ħiliet u n-nies ikollhom aktar ħin mal-familja. Qal li għandna nimmiraw li jkollna pajjiż fejn it-tfal jikbru f’ambizzjoni kbira li jistgħu jsiru dak li jridu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma wkoll li Gvern ġdid Nazzjonalista se jġib ukoll bidla fix-xandir pubbliku fejn il-poplu jkollu l-libertà li jisma’ l-verità kollha.