Lokali

Il-Parlament għandu jaqbel unanimament biex Konrad Mizzi jintalab jixhed fil-PAC – il-PN

Issa hu l-mument li l-Partit Laburista ta’ Robert Abela jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jordna lil Konrad Mizzi biex jixhed quddiem il-Kumitat Permanenti għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC).

Dan kien l-appell tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, li hu wkoll iċ-Chairman tal-PAC, matul konferenza tal-aħbarijiet ftit tal-ħin wara li flimkien mad-Deputati Karol Aquilina u Ryan Callus ippreżenta Mozzjoni lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi jintalab mill-Kamra biex jixhed fil-Kumitat.

Beppe Fenech Adami kompla li l-aġir ta’ Konrad Mizzi hu irresponsabbli u ma jagħmilx ġieħ lill-Parlament, lid-Deputati u lill-politiċi ta’ pajjiżna. Tenna li mhux aċċettabbli li jibqa’ jwebbes rasu meta fil-passat rajna eks Prim Ministri, eks Ministri u eks Deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra li telgħu jixhdu.

Għaldaqstant, hu qal li Robert Abela issa għandu l-okkażjoni jaġixxi billi jaċċetta li l-Mozzjoni titressaq it-Tlieta stess – lejlet il-laqgħa li jmiss tal-PAC – u jivvota favuriha. Wara li x-xogħol diġà għamlu l-Partit Nazzjonalista, jekk Abela ma jaqbilx mal-Mozzjoni, ikun l-uniku politiku li għadu qed jiddefendi l-kuntratt skandaluż mal-Electrogas.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina appella lill-Parlament biex ikun unanimu fit-talba lil Konrad Mizzi biex jixhed fil-PAC ħalli mill-kliem jgħaddi għall-fatti.

Hu nnota kif l-eks Ministru Laburista qed juża’ bħala paraventu linjagwida li tgħid li Membru Parlamentari jista’ jagħżel li ma jixhidx, għalkemm din mhix regola. Min-naħa l-oħra, l-Erskine May – li hu d-dokument li jiggwida l-ħidma Parlamentari – jgħid li jekk Membru Parlamentari jibqa’ jirrifjuta li jixhed fil-PAC, għandha tkun il-Kamra li tordnalu.

Karol Aquilina kompla li d-Deputati Nazzjonalisti fil-PAC qed itennu li Konrad Mizzi għandu jixhed quddiem il-Kumitat għax hu żgur li jaf ir-risposti kollha, ladarba kien il-Ministru responsabbli mill-ftehim mal-Electrogas.

U d-Deputat Ryan Callus qal li hu fl-interess tal-poplu li Konrad Mizzi jwieġeb, ladarba hu l-poplu li qed iħallas bl-għoli fil-kontijiet. Pereżempju, l-10 miljun ewro fuq sena u nofs għax l-eks Ministru Laburista għażel lill-Electrogas minflok l-orħos sors tal-enerġija, bħall-Interconnector.

Ryan Callus fakkar kif, fost l-oħrajn, kien l-istess Konrad Mizzi li għamel ftehim ta’ hedging biex il-gass jinxtara mill-kumpanija Ażera SOCAR, bi spejjeż għall-poplu Malti u Għawdxi ta’ 40 miljun ewro aktar b’mod rikorrenti kull darba li jinxtara l-gass.

Hu rrefera wkoll għal kif il-poplu diġà ħallas 50 miljun ewro żejda f’kontijiet minħabba mekkaniżmu ħażin li qed iħaddem il-Gvern Laburista. Flus li l-poplu jista’ jieħodhom lura biss grazzi għal Gvern ġdid Nazzjonalista, immexxi minn Bernard Grech.