Lokali

Il-proposta tal-PN imfaħħra min-negozjanti għax “tnaqqas il-burokrazija u traħħas il-ħajja”

Aktar reazzjonijiet pożittivi għall-proposta li ressaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li tgħin partikolarment lin-negozjanti ż-żgħar, is-self-employed u l-professjonisti – li Gvern ġdid immexxi minnu jgħolli l-bracket ta’ eżenzjoni ta’ VAT minn 30,000 għal 60,000 ewro.

L-għada li Bernard Grech spjega aktar din il-proposta – fir-replika tiegħu għall-Budget tas-sena d-dieħla – kienu diversi n-negozjanti li kkummentaw fuq il-media socjali kif din se tnaqqsilhom ħafna l-proċess ta’ burokrazija u għalhekk, tgħinhom igawdu aktar il-ħin mal-familja u dawk għeżież għalhom.

Kummenti pożittivi waslu wkoll mill-President tal-Kamra tal-Intrapriżi ż-Żgħar u Medji, Paul Abela, illi qal li d-diskors ta’ Bernard Grech fil-Parlament kien wieħed pożittiv.

Barra minhekk, mistoqsi speċifikament dwar din il-proposta, hu qal li dan hu pass ‘il quddiem għax wieħed jaqta’ mill-ħin u l-ispejjeż li dawn il-proċeduri jitolbu.

Kif spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament, il-proposta li l-eżenzjoni mill-VAT tiżdied minn 30,000 għal 60,000 ewro twassal ukoll biex igawdi l-konsumatur. Għax ladarba n-negozjant se jkun qed joffri prodotti u servizzi bi prezz orħos għax bla VAT, tkun qed tonqos ukoll l-għoli tal-ħajja.