Internazzjonali

Iżrael: Tinstab xabla ta’ żmien il-kruċjati u li tista’ għandha mad-900 sena

Bugħaddas li kien qed jistudja l-ħajja marittima fin-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael sab xabla li x’aktarx li kienet ta’ kavallier li ħa sehem fil-kruċjati ta’ madwar 900 sena ilu.

Ix-xabla – twila madwar metru – instabet f’baħar baxx ftit ‘il barra mill-inħawi ta’ Haifa. Intant, l-esperti jemmnu li x-xabla, li ttellgħet mill-baħar koperta bl-organiżmi marittimi, kienet inqalgħet mir-ramel b’kaġun tal-kurrenti (tal-baħar) kontinwi.

L-Awtorità Iżraeljana responsabbli mill-Antikitajiet qalet li x-xabla – ladarba titnaddaf u tgħaddi mill-analiżi – għandha titpoġġa għall-wiri bħala attrazzjoni għall-pubbliku.

Matul il-Kruċjati – li bdew fl-1095 u li damu għal sekli – il-kavallieri Kristjani u l-Armati tagħhom kienu vvjaġġaw lejn il-Lvant Nofsani f’tentattiv biex jaħtfu l-kontroll ta’ Ġerusalemm u bnadi oħra tal-Art Imqaddsa minn idejn il-Musulmani Għarab jew Saraċeni, kif kienu magħrufa f’dawk iż-żmenijiet.