Il-finali tal-BOV Tazza l-Kbira 2021 se ssir nhar il-Ħadd 31 t’Ottubru. Is-sidien taż-żwiemel finalisti ta’ dan l-akbar unur fil-kalendarju tat-trott Malti iltaqgħu flimkien sabiex jassistu għat-tlugħ tal-poloz li abbinaw in-numri tat-tluq mal-finalisti.
In-numri ittellgħu mill-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi Chairman tal-Malta Racing Club u EquestriMalta kif ukoll Charles Azzopardi Executive CSR u Marketing tal-Bank of Valletta.
“Ninsabu kuntenti li naraw is-sidien taż-żwiemel finalisti miġbura hawn sabiex jaraw b’liema numru ż-żiemel tagħhom se jkun qed jitlaq wara l-karozza dakinhar tal-finali,” qal l-Hon Mizzi. “Minkejja r-restrizzjonijiet bid-diffikultajiet kollha li dawn ġabu magħhom, rajna 65 mill-aqwa żwiemel jikkompetu fil-heats ta’ dan il-kampjonat u ninsabu ħerqana sabiex f’anqas minn ħmistax oħra nkunu qed niċċelebraw rebbieħ ġdid grazzi għall-Bank of Valletta li f’dawn l-aħħar snin ipprovdew l-għajnuna finanzjarja sabiex jista’ jiġi organizzat dan l-avveniment prestiġjuż.”
“Bħala organizzazzjoni li hija soċjalment responsabbli, s-sostenn tal-Bank of Valletta lejn it-tiġrijiet taż-żwiemel u attivitajiet sportivi maġġuri oħra huwa wieħed mill-prioritajiet li nħaddnu u nikkomettu għalihom,” qal Charles Azzopardi. “Nixtiequ nieħdu din l-opportunita sabiex nirringrazzjaw lil dawk kollha involuti fit-tiġrijiet taż-żwiemel – sidien, sewwieqa, preparaturi u lill-Malta Racing Club, li minkejja d-diffikultajiet kollha li ġabet il-pandemija komplew iżommu ż-żwiemel tagħhom fl-aqwa kundizzjoni u baqgħu isiru tiġrijiet għall-ispettaklu ta’ dawk kollha li jsegwu dan l-isport tant popolari.”
Għal darb’oħra minħabba l-programm ridott ta’ tiġrijiet fejn għal ġimgħat kellna l-korsa magħluqa konsegwenza tal-pandemija, il-BOV Tazza l-Kbira qed issir f’Ottubru. Dan però ma naqqas xejn mill-interess tal-parteċipanti hekk kif rajna numru ta’ sidien jirreġistraw żwiemel ġodda għal dan il-kampjonat li fetaħ it-tieni parti tal-istaġun. Filfatt tlieta minn dawn irnexxielhom ukoll jaslu sal-finali – Chaud Devant, Venale u Beguin d’Ali.
Nhar il-Ħadd saru żewġ semi finali b’sitta minn kull tiġrija jikkwalifikaw għall-finali. L-aktar ħin veloċi f’dan il-kampjonat jibqa dak ta’ 1’13”7 irreġistrat fis-semi finali tas-sena l-oħra propju miż-żiemel li ħareġ rebbieħ ħmistax wara Vivaldi du Vivrot. Iżda l-aqwa ħin tal-finali huwa dak ta’ Up And Go medja ta’ 1’14”5 li wettaq fl-2019. Dan iż-żiemel ser ikun qed jittanta jirbaħ dan l-unur għat-tieni darba hekk kif ikkwalifika għall-finali wara li fl-edizzjoni tas-sena l-oħra kien safa eliminat fil-fażi tas-semi finali.
Iż-żwiemel se jitilqu b’dawn in-numri:
1. Bara Min, 2. Aster Des Caillons, 3. Joe Hoe Lee, 4. Chaud Devant, 5. Beguin D’Ali, 6. Up and Go, 7. Venale, 8. Juvels Boy, 9. Casanova Du Corta, 10. Antoine Du Bourg, 11. Baron De Majuag, 12. Viking’s Topline
//= $special ?>