Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Tispara missila lejn l-ibħra ‘il hinn mill-Ġappun

Il-Korea ta’ Fuq komunista sparat missila ballistika lejn l-ibħra ‘il hinn mill-kosta tal-Ġappun fost indikazzjonijiet li l-isparatura saret minn sottomarin. Ir-reġim fi Pyongyang kien żvela din il-missila ġdida f’Jannar li għadda filwaqt li kien fissirha bħala ‘l-aktar arma b’saħħitha fid-dinja’.

L-isparatura saret ukoll ftit ġimgħat wara li l-Korea t’Isfel kienet żvelat arma simili – bil-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar ġimgħat, twettaq diversi provi għall-missili fosthom ta’ tip ‘hypersonsic’ u ta’ oħrajn li jwasslu fuq id-distanzi twal.Hu minnu wkoll li numru ta’ provi mill-Korea komunista saru b’abbuż tas-sanzjonijiet internazzjonali.

In-Nazzjonijiet Uniti tipprojbixxi speċifikament lill-Korea ta’ Fuq milli twettaq il-provi għall-missili ballistiċi u fuq kollox għall-armamenti nukleari. In-NU tikkunsidra li l-missili ballistiċi huma ta’ theddida akbar mill-missili ‘cruise’ għaliex kapaċi jġorru kwantità akbar ta’ materjal qerriedi minbarra li jivvjaġġaw għal distanzi itwal.

Sadanittant, l-ogħla tmexxija militari fil-Korea t’Isfel qalet li l-aħħar prova ta’ missila ballistika mill-Koreani komunisti saret mill-port ta’ Sinpo, lejn il-lvant tal-Korea ta’ Fuq u ‘fejn is-soltu jkunu bbażati s-sottomarini’. Intant, il-missila niżlet direttament fil-Baħar tal-Lvant – magħruf ukoll bħala l-Baħar tal-Ġappun.

L-indikazzjonijiet huma li l-missila partikulari kienet sparata minn sottomarin u li din ivvjaġġat għal xi 450 kilometru u f’għoli massimu ta’ 60 kilometru.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Ġappuniż Fumio Kishida qal li, fil-fatt, sparati żewġ missili ballistiċi mill-Korea ta’ Fuq, filwaqt li tenna li din is-sitwazzjoni għandha tqanqal it-tħassib u ‘sens kbir ta’ dispjaċir ’.