Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tinsisti li l-Prim Ministru għandu llum iressaq għall-vot il-mozzjoni li ppreżentat aktar kmieni dwar Konrad Mizzi

Wara li llum il-membri tal Opożizzjoni ppreżentaw mozzjoni fil-Parlament sabiex Konrad Mizzi jiġi ordnat jidher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi u jwieġeb għall-mistoqsijiet dwar il-monument tal-korruzzjoni tal-powerstationn tal-Electrogas, fit tal-ħin ilu l-istess Konrad Mizzi kellu jċedi u aċċetta illi issa jidher quddiem l-istess kumitat sabiex fi kliemu stess ma jkunx ta’ tfixkil għall-Gvern Laburista mmexxi min Robert Abela.

Konrad Mizzi għadu sal-lum parti integrali mill-Partit Laburista u mill-Gvern Laburista filwaqt lill-Partit Laburista u l-Gvern Laburista għadhom iqisu lil Konrad Mizzi bħala wieħed minnhom u sal-lum baqgħu u għadhom jiddefenduh.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista xorta waħda tinsisti li l-Prim Ministru għandu llum jressaq għall-vot il-mozzjoni li ppreżentat aktar kmieni l-Oppożizzjoni biex ikun żgurat li Konrad Mizzi jersaq u jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

Jekk il-Prim Ministru ma jagħmilx hekk ikun qiegħed joqgħod għal dak li jgħidlu Konrad Mizzi u jkun għal darboħra qed jikkonferma kemm hu tassew il-kontinwazzjoni tal-iktar gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna.