Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Jiħrax il-battibekk mal-Polonja dwar il-priorità tal-liġi tal-Ewropa

Qed jirranka l-battibekk bejn il-Polonja u l-Unjoni Ewropea li t-tnejn qed jinsistu b’interpretazzjonijiet differenti tal-liġi tal-Ewropa. Dan waqt li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, għamlitha ċara li se tagħmel minn kollox biex ma tħallix lill-Polonja tnaqqar jew ittellef mill-valuri tal-UE.

Id-diżgwid fil-Parlament Ewropew qed isegwi d-digriet ta’ qorti ewlenija fil-Polonja li ċaħad għal elementi importanti tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Pollakk, Mateusz Morawiecki, indirizza s-sitwazzjoni b’ton rabbjuż u anki akkuża lill-UE dwar ‘rikatt’ fiċ-ċirkustanzi. Hu, fl-istess ħin, ċaħad ‘il-lingwa tat-theddid’ u akkuża lill-Unjoni b’li ‘qed taqbeż il-limitu tal-poteri tagħha’.

Il-poplu tal-Polonja, fil-parti kbira nett, hu favur li jibqa’ jifforma parti mill-UE iżda l-Gvern Pollakk tal-lemin kemm-il darba qed jidħol fil-polemiki mal-Unjoni, fosthom dwar id-dritt għall-indipendenza ġudizzjarja.

L-aħħar tilwima, intant, inqalgħet dwar id-digriet kontroversjali mit-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja li, effettivament, qed jiċħad il-prinċipju bażiku li l-liġi tal-UE għandha priorità fuq il-leġislazzjoni nazzjonali. Il-każ, li tressaq mill-Prim Ministru Pollakk, kien l-ewwel darba li mexxej ta’ pajjiż-membru tal-UE ikkuntesta t-trattati tal-Unjoni fil-qorti kostituzzjonali ta’ pajjiżu.

Min-naħa tagħha, Ursula von der Leyen qalet lill-Parlament Ewropew li s-sitwazzjoni mal-Polonja għandha tkun riżolta iżda hi tinsab determinata li tiddefendi sal-aħħar il-valuri bażiċi tal-Unjoni Ewropea. Intant, hi fissret l-aġir ta’ Varsavja bħala sfida diretta lill-għaqda tal-ordni legali tal-Ewropa.

Sadanittant, Morawiecki, tal-Partit għal-Liġi u Ġustizzja li qed imexxi lill-Polonja, kompla jinsisti li ‘ir-rikatt mgħandux jintuża bħala metodu politiku’. Madankollu – u minkejja t-tħassib li l-Polonja ( l-istess bħar-Renju Unit) kapaċi toġħroġ mill-Unjoni — il-Prim Ministru Pollakk baqa’ jirrepeti li pajjiżu mgħandux pjani għal xi forma ta’ ‘Polexit’.

Fl-istess ħin, Mateusz Morawiecki qal lill-Parlament Ewropew li kulħadd għandu joqgħod attent li ‘ma jinfirxux l-għajdut mingħajr bażi dwar il-possibbiltà li l-Polonja ma tiffurmax aktar parti mill-Unjoni ta’ pajjiżi’.