Ekonomija Kummerċ Lokali

“Mingħajr bidla fil-viżjoni, il-Gvern se jkompli jżerżaqna ‘l isfel” – PN

Is-survey tad-ditta EY, li qed juri kif il-Gvern qed ikompli jżerżaq lil pajjiżna dejjem aktar l-isfel fil-livell ta’ kemm qed jibqa’ attraenti għall-investiment barrani, qed jirrifletti dak li ilhom jisħqu dwaru l-Partit Nazzjoanlista u ħafna entitajiet oħra.

F’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista ftit tal-ħin wara l-preżentazzjoni tas-survey tal-EY, Kristy Debono, Kelliema tal-PN dwar il-Qasam Finanzjaru,  u Mario De Marco Kelliem dwar l-Ekonomija analizzaw ir-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju.

Kristy Debono spjegat kif dan is-survey jirrepeti t-tħassib tal-imsieħba soċjali tal-investituri, tal-istakeholders, tan-negozjanti, li ilhom jinsistu li l-ekonomija ta’ pajjizna ma tistax tiżviluppa jekk ma tinvestix f’industriji ekonomiċi ġodda u fir-riżors ruman.

F’din il-konferenza, anke il-media tal-Partit Laburista ammettiet li dan ir-rapport ma kienx wieħed pożittivi, possibilment b’referenza għall-fatt li dan is-survey sab li pajjiżna qiegħed kull ma jmur jitlef u dejjem b’rata ferm aktar mgħaġġla dak li jagħmlu attraenti għall-investituri.

Id-Deputat Mario DeMarco minn naħa tiegħu tkellem dwar il-ħtieġa ta’ aktar viżjoni jekk irridu li noħorġu minn dan l-isqaq. Hu qal li rridu viżjoni ekonomika ġdida, investiment f’niċeċ ġodda, u rridu nrawmu lil uliedna għalihom.

De Marco saħaq li kull sfida ġġiba magħha oppotunitajiet ġodda u li din hi l-opportunità li qed joffri l-Partit Nazzjonalista, filwaqt li reġa’ fakkar li Gvern li poġġa lil pajjizna fuq il-lista l-griża ma jistax ikun hu li jsolvi l-problemi li ħoloq hu stess.