Ekonomija Lokali

Rapport ta’ EY jikkonferma l-agħar livell għall-attrazzjoni ta’ investiment barrani

“Neħħu raskom mir-ramel u ħudu l-greylisting b’serjetà”

Pajjiżna kompla jħoss l-impatt tal-fatt li Gvern tal-Labour pogga’ lill-gżejjer Maltin fuq il-lista l-griża tal-Financial Action Task Force wara li għat-tieni sena konsekuttiva Malta mhix qed tkun attrajenti biex tiġbed investiment dirett barrani.

Dan ħareġ minn stħarriġ li jsir kull sena mid-ditta ta’ awdituri EY …u li wera illi 46% ma jarawx lil pajjizna attrajenti ghall-investiment, filwaqt li 37% jaraw lil Malta bħala destinazzjoni li fiha jistgħu jinvestu…tnaqqis ta’ 25% mis-sena preċedenti.

F’dan l-Attractiveness Survey tal-EY… bosta investituri saħqu li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna kif ukoll il-governanza hija waħda ta’ tħassib, u insistew li għal Gvern tal-Labour għandha tkun prijorità sabiex joħroġ lill-pajjiż mill-greylist…li daħħalna fiha hu stess.

L-istħarriġ wera wkoll li ż-żieda fil-monitoraġġ kawża ta’ dan kollu m’għadhiex tpoġġi lil Malta fil-lista ta’ pajjiżi attraenti biżżejjed għall-investiment barrani. Huma saħqu li l-impatt tal-greylisting ċertament jaffettwa r-reputazzjoni tal-pajjiż kif ukoll deċiżjonijiet rigward investimenti futuri – b’żieda għal 15% ta’ kumpaniji li jisħqu li mhux qed jimmaġinaw li jkomplu jinvestu f’pajjiżna minn hawn u 10 snin oħra – u tnaqqis ta’ dawk li saħqu viċi versa.

Għat-tieni sena konsekuttiva l-investitur barrani spjega li t-trasparenza politika u legali hija l-inqas ħaġa li tattratahom lejn pajjiżna – b’64% jispjegaw li għad hemm ħafna xogħol xi jsir f’dan ir-rigward.

Ġie spjegat li sabiex il-Gvern jibqa’ kompetittiv mal-bqija tad-dinja hemm bżonn re-branding tal-pajjiż u aktar xogħol sabiex tissaħħaħ ir-reputazzjoni tal-Gżejjer Maltin. Dan filwaqt li 31% biss tal-investituri qed jirnexxielhom isibu impjegati b’ħiliet speċjalizzati għall-ħtiġijiet tagħhom.

Ronald Attard, Country Managing Partner tal-EY f’Malta, spjega li għall-ewwel darba minn kemm ilu jiġi mfassal dan l-istħarriġ …parti sinnifikanti mill-investituri barranin li kienu intervistati mhux qed jaraw lil Malta bħala l-pajjiż ideali biex jinvestu fih…u insista li dan ir-riżultat ċertament ma jinżilx tajjeb hekk kif aħna mdorrijin għal riżultati aħjar. Dan filwaqt li spjega li dan ir-riżultat jaf mhux biss tort tal-Greylisting iżda żgur li ħalla impatt…u tkun stupidaġni jekk nibqgħu nidfnu rasna fir-ramel u ma nieħdux azzjoni b’mod immedjat.

Huwa saħaq li hemm bżonn li d-deċiżjonijiet għal pajjiżna ma jkunux short sighted iżda deċiżjonijiet li jħarsu għal ġejjieni biex nassiguraw ekonomija b’saħħitha għal uliedna.