Lokali

Robert Abela jibqa’ jkebbes l-inċertezza dwar l-elezzjoni ġenerali

Jattakka lill-Korpi Kostitwiti li qed jikkritikawh u jgħid li qed jagħmlu hekk għax biċċa waħda mal-PN

L-akbar stennija tat-Tlieta filghaxija kienet għal dikjarazzjoni ċara minn naha tal-Prim Ministru li teskludi elezzjoni bikrija u li tagħti xi tip ta’ stabbilità.

Iżda f’diskors ta’ aktar minn sagħtejn ikkaratterizzat minn attakki fuq il-Partit Nazzjonalista u minn negattività, Abela lagħab biss bil-kliem u ħalla aktar mistoqsijiet milli ta tweġibiet, biex baqa’ jħalli lin-negozji u l-industriji f’inċertezza totali.

Il-ġurnalisti li kienu qed jistennewh wara dan id-diskors twil iżda nieqes minn serħan il-moħħ għall-poplu,  ilkoll talbuh ikun ċar dwar l-elezzjoni, iżda Robert Abela kompla bir-retorika solita tieghu, u baqa’ jinsisti li ma jweġibx.

Saħansitra, meta ffaċċjat bil-kritika li qed issirlu mill-Korpi Kostitwiti dwar l-inċertezza li qed iħalli tikber dejjem aktar kuljum, hu għażel li jattakkahom u jgħid li dawk li qed jikkritikawh qed jagħmlu dan għax huma biċċa waħda mal-Partit Nazzjonalista.

Intant wara li ndirizza lill-ġurnalisti tal-Maltatoday u tat-Times of Malta, mingħajr ma ta tweġiba ċara, għat-tieni darba f’24 siegħa, Abela għażel li ma jweġibx il-mistoqsijiet tal-ġurnalista ta’ In-Nazzjon.