Futbol Sport

Salah deċiżiv f’Madrid

(Ritratt: EPA)

Liverpool kisbu rebħa drammatika meta għelbu lil Atletico Madrid 3-2. Mohamed Salah u Naby Keita fetħu vantaġġ għal Liverpool b’gowls fit-8 u fit-13-il minuta. Atletico wettqu rimonta u sa tmiem l-ewwel taqsima ġabu l-iskor indaqs b’dopjetta ta’ Antoine Griezmann. L-istess Griezmann spiċċa tkeċċa fit-52 minuta. It-tim ta’ Jurgen Klopp kellu jistenna sat-78 minuta biex skorja l-gowl tar-rebħa permezz ta’ penalty ta’ Mohamed Salah.

Milan sofrew it-tielet telfa fi Grupp A meta kienu megħluba 1-0 minn Porto. Il-gowl deċiżiv f’din il-partita wasal fis-65 minuta permezz ta’ Luis Diaz.

PSG kellhom jitħabtu mhux ftit biex għelbu lil RB Leipzig 3-2. Kien Kylian Mbappe li fetaħ l-iskor għal PSG. Andre Silva ġab l-iskor indaqs għal Leipzig filwaqt li Nordi Mukiele fis-57 minuta poġġa lill-Ġermaniżi fil-vantaġġ. Iżda dopjetta ta’ Lionel Messi fis-67 u fl-74 minuta taw rebħa importanti għal PSG.

Manchester City kisbu rebħa kbira ta’ 5-1 barra minn darhom fuq Club Brugge. Joao Cancelo fetaħ l-iskor għal City wara nofsiegħa logħob, b’Riyad Mahrez jidroppja permezz ta’ penalty ftit qabel il-mistrieħ. Kyle Walker għamilhom 3-0 fit-53 minuta filwaqt li ż-żagħżugħ Cole Palmer skorja r-raba’ gowl għat-tim ta’ Guardiola fis-67 minuta. Club Brugge naqsu l-iskor fil-81 minuta permezz ta’ Hans Vanaken. City skorjaw il-ħames u l-aħħar gowl fl-84 minuta meta kien għal darb’oħra Riyad Mahrez.

Real Madrid fi Grupp D, għelbu lil Shaktar Donetsk bl-iskor ta’ 5-0. Kien awto-gowl ta’ Sergey Krivtsov li fetaħ l-iskor għal Real Madrid wara 37 minuta. Dopjetta ta’ Vinicius fil-51 u fis-56 minuta għamlu l-iskor 3-0 biex mbgħad għaxar minuti wara kien Rodrygo li għalaq il-partita u għamilhom 4-0. Fil-ħin mogħti żejjed kien l-attakkant Franċiż Karim Benzema li għamilhom 5-0.

Inter waqqfu l-bidu pożittiv ta’ FC Sheriff meta fi Stadio San Siro għelbuhom bl-iskor ta’ 3-1. Edin Dzeko poġġa lil Inter fil-vantaġġ fl-34 minuta. Sebastien Thilla ġab l-iskor indaqs għal Sheriff fit-52 minuta, iżda gowls ta’ Arturo Vidal fit-58 minuta u gowl ieħor ta’ Stefan de Vrij taw rebħa komda ta’ 3-1 lil Inter.

Ajax b’mod sopriża umiljaw lil Borussia Dortmund meta fil-Johann Cruyff Arena għelbuhom 4-0. Ajax fetħu vantaġġ doppju fl-ewwel taqsima, permezz ta’ awto-gowl ta’ Marco Reus u gowl ieħor skorjat minn Daley Blind. Fit-tieni taqsima, Ajax komplew fejn ħallew fl-ewwel taqsima u kien Antony li għamilhom 3-0 fis-57 minuta biex fit-72 minuta kien Sebastien Haller li għamel l-iskor 4-0.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE
Illum: Grupp A: Club Brugge v Man City 1-5, PSG v RB Leipzig 3-2 Grupp B: A. Madrid v Liverpool 2-3, Porto v Milan 1-0 Grupp Ċ: Besiktas v Sporting 1-4, Ajax v B. Dortmund 4-0 Grupp D: Inter v FC Sheriff 3-1, S. Donetsk v Real Madrid 0-5 Għada: Grupp E: Barcelona v D. Kyiv 6.45pm, Benfica v B. Munich 9.00pm Grupp F: Man Utd v Atalanta 9.00pm, Young Boys v Villarreal 9.00pm Grupp G: Salzburg v Wolfsburg 6.45pm, Lille v Sevilla 9.00pm Grupp H: Chelsea v Malmoe 9.00pm, Zenit v Juventus 9.00pm