Lokali Parlament

Xejn konkret mill-Prim Ministru dwar l-Electrogas, il-Vitals, il-grey listing, il-korruzzjoni, il-prekarjat, id-dejn nazzjonali u l-familji fil-faqar

Il-Prim Ministru Robert Abela ma tkellem xejn konkret dwar l-Electrogas, il-Vitals, il-grey listing, il-korruzzjoni, il-prekarjat, id-dejn nazzjonali, l-akkomodazzjoni soċjali u l-familji fil-faqar.

Fid-diskors tiegħu dwar il-budget Robert Abela qal li l-Gvern investa ħafna iktar minn gvernijiet Nazzjonalisti u qal li l-gvern investa quddiem il-pandemija biex il-poplu Malti tlaqqam fil-perjodu adatt. Is-servizz nazzjonali tas-saħħa hu ġojjell u jibqa’ l-bażi tal-kwalità tal-ħajja; jekk dan jaqa’ lura, taqa’ lura l-kwalità tal-ħajja. Hu qal li nofs iż-żieda fin-nefqa tal-budget hi fis-saħħa pubblika u sostna li l-Gvern se jibqa’ jinvesti fis-settur kollu tas-saħħa. Id-deċiżjoni l-aktar diffiċli fis-saħħa se jittieħdu bil-galbu, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-Gvern se jwessa’ l-formolarju tal-mediċini b’xejn.

Il-Prim Ministru kompla li l-iżvilupp m’għandux jitwaqqaf iżda għandhom ikunu implimentati standards ġodda. Il-Gvern irid jieħu ħsieb ukoll iċ-ċentri tal-irħula u jintużaw djar battala billi jinċentiva tnaqqis fit-taxxi. Robert Abela kompla li x-xogħol fuq il-park nazzjonali u l-villaġġ tas-snajja f’Ta Qali mexjin sew waqt li se jsir proġett ta’ 50,000 siġra fl-Inwadar.

Il-Prim Ministru tkellem dwar l-ambjent u qal li l-Gvern għandu l-kredibbiltà f’dan is-settur. Hu sostna li l-heavy fuel oil kien sors primarju tat-tniġġiż iżda issa l-pajjiż irid jiffoka fuq it-trasport. Robert Abela qal li l-riklamazzjoni tal-art trid tinbeda llum qabel għada. Filwaqt li semma’ d-dejn tal-pajjiż il-Prim Ministru attakka lill-PN dwar dejn li għandu mal-Arms.

Il-Prim Ministru kompla li trid issir bidla fil-mod kif jinbena l-bini fil-pajjiż u sostna li l-viżjoni tal-Gvern hi li l-ekonomija u l-ambjent jikkumplimentaw lil xulxin. Hu sostna li l-Gvern Laburista ma riedx li l-pajjiż imur lura għall-2013. Il-Gvern uża s-surplus li kien ħoloq fil-pandemija, sostna l-Prim Ministru, li kompla li Gvern Nazzjonalista ffriża kollox f’Għawdex waqt li issa l-ġid ekonomiku qed jiżboq dak ta’ Malta.

Il-Prim Ministru kompla li Għawdex se jkun il-pijunier tal-bidliet diġitali u ambjentali. Il-Gvern lesta t-tieni fibre optic cable, sostna l-Prim Ministru, li qal fil-pandemija ma kien hemm l-ebda downgrade għall-ekonomija Maltija.

Robert Abela qal li Gvern Nazzjonalista żied il-piżijiet kabbar id-dejn nazzjonali u d-deficit u sostna li n- nies għamlu qabża fil-kwalità fosthom bi tnaqqis fil-qagħad. L-għoli tal-ħajja hu realtà, sostna l-Prim Ministru, li qal li l-Gvern se joffri s-soluzzjonijiet. Hu qal li ma kienx hemm żidiet fid-dawl u fil-kontijiet u sostna li Malta kienet l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn ma kienx hemm żidiet fil-fuel.

Il-Prim Ministru kompla li l-qagħda tal-Gvern hi riflessjoni tal-qagħda tal-familji. Hu sostna li l-Gvern qed jagħmel suċċess bl-irkupru spettakolari ta’ 13%. Hu qa li l-Gvern qed jattira investiment barrani għax hu “Moviment għaqli”.

Robert Abela qal li l-Gvern hu “magna ta’ progress” li taqla’ lin-nies mill-faqar u sostna li l-pajjiż issa għandu bżonn sfidi mġedda fejn l-enfasi tkun fuq il-ħiliet. Hu sostna li l-Gvern se jżid l-istipendji għall-istudenti kollha b’10% u se jingħata stipendju għall-istudenti li jaħdmu part-time.

Il-Prim Ministru kompla li tnaqqsu n-nies fuq id-dipendenza soċjali; “eluf ta’ nies ingħataw id-dinjità” waqt li tnaqqas il-faqar. Hu qal li fis-saltna tad-dritt u l-governanza saret rivoluzzjoni sħiħa.

Robert Abela qal li l-Gvern Laburista hu mpenjat li joħroġ lill-pajjiż mill-grey list u tkellem dwar il-moralità fiskali fejn qal li l-Gvern irid iġib ġustizzja.