Lokali

“Bidla b’viżjoni bl-anzjani fiċ-ċentru tagħha” – Bernard Grech

“L-anzjani u l-pensjonanti huma fiċ-ċentru tal-politika tagħna… Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jagħti l-għajnuna kollha possibbli u joffri l-aħjar soluzzjonijiet sabiex l-anzjani u lill-pensjonanti tingħatalhom id-dinjità li tixirqilhom.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta żar ir-Residenza Dar San Ġużepp fil-Fgura

Mal-wasla tiegħu huwa nltaqa’ mill-Manager Emanuel Saliba fejn spjega lill-Kap tal-PN is-servizzi li jingħataw f’din id-dar tal-anzjani. Dar li ġiet inawgurata sentejn ilu fejn bħalissa tilqa’ fiha madwar 280 anzjan.

Bernard Grech kellu l-opportunità jitkellem ma’ diversi anzjani fejn spjegawlu kif iqattgħu l-ġurnata f’din id-Dar kif ukoll waslu l-ħsibijiet tagħhom dwar diversi affarijiet li qed jaffettwawhom.

Huwa tkellem dwar l-anzjani inġenerali kif ukoll il-pensjonanti hekk kif l-anomaliji fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll l-għoli tal-ħajja qed taffettwalhom ħajjithom tant li hemm uħud li mhux iwasslu sal-aħħar tax-xahar.

Fost id-diversi proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista hemm li t-tabib tal-familja jkun b’xejn għal dawk kollha li għandhom ‘il fuq minn 60 sena. Gvern ġdid Nazzjonalista jikkunsidra sistema fejn iż-żieda tal-pensjonijiet kull sena tkun assigurata b’mekkaniżmu separat li jassigura li l-anzjani jiżdiedu d-doppju taż-żieda tal-ħaddiema.

Għal din iż-żjara il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani Maria Deguara.