Internazzjonali

Covid-19: Imħeġġa l-miżuri tas-sigurtà fl-Ingilterra biex jevitaw ‘kriżi tax-xitwa’

L-esperti tas-saħħa fl-Ingilterra qed iwissu biex l-awtoritajiet ikkonċernati jintroduċi mill-ġdid restrizzjonijiet li jevitaw spinta fl-infezzjonijiet bil-Covid-19. Il-parir tal-esperti hu biex dawn il-miżuri jiddaħħlu fil-pajjiż immedjatament ‘bil-għan li l-Ingilterra tevita kriżi ta’ infezzjonijiet matul ix-xitwa’.

Kelliema għall-NHS Confederation enfasizzaw il-ħtieġa għal strateġija addizzjonali  — jew forma ta’ ‘Pjan B’ — li tilqa’ kontra splużjoni ‘ġdida u allarmanti’ ta’ każi fl-Ingilterra. Il-pjan, fost oħrajn, jesiġi l-ħtieġa li n-nies jilbsu l-maskri ‘bilfors’ fl-ispazji magħluqin jew li jkunu ffullati bin-nies u biex il-miżura tkun implimentata malajr kemm jista’ ikun.

Sadanittant, reġgħu qed jiżdiedu sew il-każi tal-Covid-19 fir-Renju Unit għalkemm l-imwiet huma ferm anqas milli kienu matul ix-xitwa.

Fl-istess ħin, is-Segretarju Britanniku responsabbli mill-Kummerċ, Kwasi Kwarteng, qal li ‘għalissa mhux iż-żmien għal Pjan B’ filwaqt li iħeġġeġ biex tingħata spinta lill-programm għat-tilqim lill-poplu fuq il-bażi ta’ booster.

Dan meta s-Segretarju Kwarteng u awtoritajiet oħrajn ma jridux idaħħlu aktar lockdowns jew jintroduċu miżuri li jagħtu ‘majnata oħra lill-ekonomija’

Kwarteng qal li filwaqt li wieħed irid jaġixxi bil-kawtela, is-sinjali huma li l-Gvern tiegħu qed jaddotta strateġiji effettivi fil-konfront tal-Covid, fost sinjali ċari li naqsu r-rati tal-pazjenti li jeħtieġu trattament mill-isptar.

Madankollu, il-każi tal-Covid għal kuljum fl-Ingilterra ilhom jaqbżu l-40,000 għal ġimgħa sħiħa. Fl-istess ħin, it-twissija mill-NHS Confederation għandu jitqies ukoll bħala sinifikanti għaliex ħarġet sigħat biss wara li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku kien irrifjuta l-implimentazzjoni tal-Pjan B f’dan l-istadju.