Ambjent Lokali

Fl-ambjent “il-Gvern mhux qed jagħmel biżżejjed” – FAA

Fejn jidħol l-ambjent, “il-Gvern mhux qed jagħmel biżżejjed”. Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar barra l-Ministeru ta’ Aaron Farrugia, li taħtu jaqa’ dan is-settur tant importanti.

L-FAA nidiet dokument dwar id-drittijiet taċ-ċittadini għal ambjent b’saħħtu u anke d-drittijiet għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan iċ-charter kien preżentat lil Ministru Farrugia fejn intalab jimpenja ruħu lejn il-prinċipji bażiċi ta’ ippjanar urban, il-ħarsien ambjentali u konformità mal-liġijiet ta’ Malta dwar l-iżvilupp, il-wirt u l-ambjent.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat ukoll kif riċerka qed turi li l-iżvilupp bla rażan u t-traffiku f’pajjiżna qed iwassal għal problemi relatati mas-saħħa mentali b’mod speċjali għal residenti tal-Gżira u l-Imsida.