Toni Bezzina, Deputat Nazzjonalista, qal li hu importanti li nsaħħu u nibnu fuq it-tajjeb li jkun hemm, iżda hu importanti wkoll li l-affarijiet u l-proposti negattivi u ħżiena jkunu esposti għall-attenzjoni tal-poplu.
Toni Bezzina rringrazzja lill-ħaddiema kollha fl-oqsma tat-trasport, tal-avjazzjoni, tal-marittimu u tal-infrastruttura. Irringrazzja wkoll lill-Pulizija, lill-Gwardjani Lokali u lil dawk li jservu fid-Direttorat tal-Protezzjoni Ċivili. Dawn ilkoll jagħmlu xogħol mill-aktar importanti biex it-trasport u l-infrastruttura ta’ pajjiżna jimxu ’l quddiem.
Hu tajjeb li l-attenzjoni tagħna ma tkunx iffukata biss fuq il-mezzi tradizzjonali ta’ trasport, iżda għandha tħares ukoll lejn possibbiltajiet innovattivi u li jistgħu jkunu aktar effiċjenti u wkoll li jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent.
Dwar it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd staqsa għaliex din se titħalla sena biex tiddaħħal fis-seħħ. Staqsa jekk il-Gvern għamilx studju serju dwar id-dħul fis-seħħ ta’ il-miżura u kemm iddiskuta mal-operaturi tat-Trasport Pubbliku u mal-Kunsilli Lokali. It-tibdil meħtieġ għandu jsir b’mod għaqli, affidabbli, bl-inqas stennija biex persuna tuża’ s-servizzi u wkoll b’effiċjenza.
Żgur li l-Maltin mhux se jirrinunzja mill-użu tal-karozza privata tiegħu. Dan ifisser li t-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd għandu jsir b’mod affidabbli u b’mod li ċerti rotot ikunu aktar frekwenti, l-aktar fil-peak hours. Mistennija wkoll żieda drastika fil-karozzi tal-linja, kif ukoll li l-istages ikunu aħjar milli huma bħalissa.
Toni Bezzina qal li t-trasport pubbliku waħdu żgur li mhux se jnaqqas il-problemi tat-traffiku f’pajjiżna, inkluż f’dawk fejn it-toroq twessgħu. Jirriżulta issa li f’ċerti żoni t-traffiku żdied u mhux naqas.
Għandu jkun hemm inċentiv fiskali fil-privat biex ikun il-privat innifsu li jorganizza aktar inizjattivi ta’ trasport lejn u lura mill-post tax-xogħol. L-istess ħaġa għandha ssir għall-ħaddiema fis-Settur Pubbliku. Għandu jkun hemm inċentiv ukoll għal użu akbar tar-roti.
Hu qal li għandu jkun hemm inċentivi wkoll għall-kunċetti ta’ car sharing u car pooling, b’mod partikulari fil-peak hours. Dawn l-ideat ukoll huma parti mill-ħarsien tal-ambjent madwarna.
Tkellem ukoll dwar l-importazzjoni tal-karozzi u qal li għandu jkun assigurat li l-karozzi li jiddaħħlu f’Malta ma jkunux jagħmlu ħsara lill-ambjent, fosthom billi ma jkunux idaħħnu u jniġġsu.
Toni Bezzina tkellem ukoll dwar is-servizz tal-metro fil-gżejjer Maltin u qal li dik il-proposta introdotta diversi snin ilu mill-Partit Nazzjonalista kellha twassal biex sa din is-sena tkun inawgurata l-ewwel parti tagħha. Il-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien kien irredikola dik l-idea, biex issa hu l-istess Gvern Laburista li qed jgħid li l-introduzzjoni tal-Metro f’pajjiżna tista’ tkun parti mis-soluzzjoni għat-traffiku f’pajjiżna.
Hu qal li l-Gvern Laburista m’hux jagħmel xejn effettiv biex jikkontrolla l-problema tat-traffiku u fin-nuqqas ta’ azzjoni immedjata, f’pajjiżna l-volum tat-traffiku qiegħed ikompli jikber u dan hu rifless fil-kjuwijiet akbar li ta’ kuljum qed jesperjenza pajjiżna.
Tkellem ukoll dwar it-trakka ta’ Ħal Far u staqsa kif qed ikun propost li f’dan il-post ikun żviluppat Depot tal-Metro. Il-Gvern b’xi ħadd qed jidħak. B’Min? Bid-dilettanti tat-tlielaq tal-karozzi? Jew bil-Maltin li huma interessati f’dan il-proġett tal-Metro?
Filwaqt li qal li kull deċiżjoni dwar il-Metro trid tittieħed b’attenzjoni kbira, wissa’ li deċiżjoni żbaljata tista’ twassal għal konsegwenzi serjiu gravi fuq pajjiżna. Il-Gvern ikun qed jiżbalja bil-kbir jekk juża proġett bħall-Metro sempliċiment għal skop elettorali u xejn aktar.
Meta tkellem dwar it-toroq, Toni Bezzina qal li fuq ċerti toroq ix-xogħol ilu għaddej bosta snin jew xhur. Issa f’daqqa waħda l-Gvern naqqas il-vot fir-rigward tat-toroq. Għaliex?
Dwar il-qasam marittimu qal li kollox jindika li l-Gvern m’għandu l-ebda pjan konkret u dan meta dan is-settur jikkontribwixxi għall-ekonomija Maltija b’xejn inqas minn €850 miljun. Il-Gvern għandu jagħti attenzjoni akbar għal dan is-settur fejn hemm jaħdmu xejn inqas minn 12,000 impjieg. Il-Gvern għandu jimbarka fuq strateġija nazzjonali li tkun tinkludi wkoll it-taħriġ li jkun rikonoxxut internazzjonalment. Il-Gvern għandu jtejjeb il-faċilitajiet ukoll fil-portijiet.
Dwar is-settur tal-avjazzjoni filwaqt li fakkar li kien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li ġab ’il quddiem din l-industrija, Toni Bezzina qal li għandu jsir pjan fit-tul biex pajjiżna jieħu l-vantaġġi li hemm f’din l-industrija u hekk din l-istess industrija tkompli tikber.
Hu temm jappella lill-Gvern biex jinvesti f’Berġa tas-Saħħa f’Birżebbuġa u appella wkoll lill-Gvern biex ikun hemm riġenerazzjoni effettiva fil-bajjiet u l-promenades tal-pajjiż.
//= $special ?>