David Thake, Deputat Nazzjonalista, qal fil-parlament li Gvern Nazzjonalista jimbarka fuq il-bini ta’ sptar ġdid għall-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali. F’pajjiżna hawn għadd ġmielu ta’ pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali u dawn jenħtieġ li jingħataw il-kura u s-servizzi li jixirqilhom u mhux kif ġara sa issa fejn dawn il-pazjenti qed jinżammu fi sptar li ma jirriflettix il-bżonnijiet ta’ pajjiżna llum.
Hu qal li Gvern Nazzjonalista jimbarka fuq it-titjib li hemm bżonn fil-Port tal-Imġarr u jaħseb ukoll li jżid il-fotta tal-Gozo Channel b’żewġ vapuri ġodda u li wieħed minnhom ikun qed jieħu post il-vapur antik li l-Gvern qed jikri b’eluf ta’ ewro kuljum.
Gvern Nazzjonalista jimbarka wkoll fuq il-bini ta’ djar għall-persuni bi problemi mentali u anki djar għal dawk li jbatu bid-dimensja. Dawn ikunu djar fil-komunità biex kemm jista’ jkun dawn il-persuni jibqgħu jgħixu fil-komunità fejn ikunu trabbew għaliex kull deċiżjoni li tittieħed għandha tittieħeb biss kemm-il darba l-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-politika.
Tkellem ukoll dwar it-Trasport Pubbliku u qal li sa tliet snin oħra l-karozzi tal-linja kollha jkunu mħaddmin bl-elettriku u fil-pajjiż ma jkunx hawn aktar karozzi tal-linja li jaħdmu bid-diesel.
Proposta oħra tal-Partit Nazzjonalista hi li min jimporta karozza elettrika għall-użu personali tiegħu u din tkun second hand jieħu xorta waħda l-grant li l-gvern ikun qed iniedi biex jgħin ħalli dak li jkun jaqleb għal karozza li tkun taħdem bl-elettriku.
Hawn min ma hux kapaċi jixtri karozza ġdida li taħdem bl-elettriku u għalhekk dawn in-nies għandhom bżonn l-għajnuna ħalli l-ħsara lill-ambjent mit-tniġġis tkompli tonqos.
Gvern Nazzjonalista jagħti din l-għajnuna għaliex karozza li taħdem bl-elettriku ma hix xi privileġġ iżda ta’ għajnuna fiż-żamma tal-ambjent ta’ madwarna.
David Thake qal li l-proposta tal-Gvern biex mis-sena d-dieħla t-Trasport Pubbliku jsir b’xejn għal kulħadd ma tistax tittieħed bis-serjetà. Kulħadd jaf li s-servizz attwali tat-Trasport Pubbliku llum ma hux tajjeb u adekwat u dan qed iwassal biex ħafna nies jevitaw milli jużaw it-Trasport Pubbliku. Kulħadd mgħaġġel u għalhekk dak li jkun ifittex ħafna aktar li juża l-karozza privata tiegħu milli juża t-Trasport Pubbliku li ma hu ta’ min joqgħod fuqu.
Hu qal li dan l-istat jirrikonoxxih ukoll il-Gvern iżda l-mistoqsija hi x’inhu jagħmel il-Gvern biex itejjeb is-servizz tat-trasport Pubbliku?; biex il-karozzi tal-linja jgħaddu minn kullimkien bla periklu?; biex il-karozzi tal-linja ma jkunux imballati bin-nies?; u biex il-karozzi tal-linja jaslu fil-ħin?
Filwaqt li staqsa jekk il-Gvern ordnax diġà l-karozzi tal-linja l-ġodda li se jkunu qed jiżdiedu mal-flotta eżistenti, David Thake qal li tajjeb li kulħadd jifhem li biex tordna ammont ta’ karozzi tal-linja u biex dawn ikunu mibnija jrid jgħaddi ftit taż-żmien mhux ħażin? Allura dawn il-karozzi tal-linja l-ġodda kif se jilħqu jaslu sa Ottubru tas-sena d-dieħla?
Hu qal li din hi proposta oħra tal-Gvern Laburista maħsuba biss biex tixtri l-voti tal-Maltin u l-Għawdxin li iżda ma humiex boloh u kapaċi jfihmu sew il-logħba tal-Gvern x’inhi. Għaliex jekk il-Gvern, illum, ma hux kapaċi joffri servizz tajjeb u ta’ serħan il-moħħ, allura kif se jkun kapaċi jintroduċi servizz ta’ Trasport Pubbliku b’xejn?
David Thake hawnhekk tkellem dwar il-morali u l-prudenza li għandu jkollu l-politiku fil-qadi tad-doveri tiegħu u qal li hu għadu ma jistax jemmen l-istorja ta’ Ian Borg li ħataf proprjetà mingħand anzjan vulnerabbli biex seta’ jkabbar id-dar tiegħu u biex seta’ jagħmel pool mad-dar tiegħu. U mbagħad din l-istorja tispiċċa l-Qorti u l-Qorti tgħidlu li int m’intiex kredibbli. Qaltlu li hu giddieb.
Saħansitra l-familja ta’ dan l-anzjan misruqa hi mweġġa’ ħafna għaliex il-Ministru Ian Borg seraqlu l-proprjetà tiegħu bil-loqom. Il-Qorti sabet li xhieda ta’ Ian Borg ma kenitx kredibbli u ma setgħetx tifhem kif ir-residenti ta’ villaġġ żgħir bħal Ħad-Dingli ma kenux jafu li dan l-anzjan vulnerabbli kien ibati minn problema ta’ saħħa mentali.
Hu qal li dak kollu li ġara b’rabta ma’ dan il-każ għandu jkun investigat bis-serjetà. Kif jista’ jkun li anki ż-żewġ sensara u n-nutar spiċċaw biex għamlu l-kuntratt bla ebda riċerka u f’inqas minn 24 siegħa! Anzjan vulnerabbli u kienu jafu li kien raġel vulnerabbli u dan ma riedx ibiegħ il-proprjetà tiegħu bix-xejn. Allura l-Ministru Ian Borg kien marbut li jassigura li l-bejjiegħ ta’ din il-proprjetà mingħajr anzjan vulnerabbli kellu jsir billi kemm-il darba l-istess anzjan vulnerabbli l-ewwel jieħu l-pariri kollha li kellu bżonn.
Davod Thake enfasizza u saħaq li dan kollu jenħtieġ skrutinju pubblikuu staqsa x’għamel il-Prim Minsitru Robert Abela quddiem dan il-każ serju fejn Ministru tiegħu ħataf proprjetà ta’ anzjan vulnerabbli?
Hu staqsa wkoll dwarid-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministru Ian Borg sa mill-2013 lil hawn. Fost l-oħrajn jgħid li għandu ishma f’kumpanija tal-catering fejn il-mara tiegħu għandha sħubija. “Tgħid din il-kumpanija tal-catering hi wkoll waħda minn dawk li tingħata d-direct orders?
“Il-parntership mas-Sinjura Borg min hu? Mhux xi wieħed li qed jieħu d-direct orders ukoll?”
Tkellem ukoll dwar ix-xogħlijiet li saru fil-mini li minnhom jgħaddu l-karozzi, fosthom dik ta’ Santa Venera fejn fiha twaħħal ħajt qisha xi kamra tal-banju u staqsa għaliex ma twaħħalx madum apposta biex inaqqas il-ħsejjes tal-karozzi iżda minflok twaħħal madum li hu pastażata.
David Thake appella lill-MFSA biex tassew taqdi d-doveri tagħha kif suppost u ma tħares lejnwiċċ ħadd u mhux min irid jagħmel in-negozju qiegħed isibha diffiċli ħafna u jintalab minn kull tip ta’ dokumenti b’tali mod li dak li jkun jaqta’ qalbu. U dankollu seħħ għaliex il-Kabinett ta’ Ian Borg daħħal lill-pajjiż fil-grey list u biex xi ħadd jagħmel negozju leġittimu issa sar kważi impossibbli
David Thake tkellem ukoll dwar id-direct orders li qed jinħarġu minn Ian Borg. Sadattant qed jinkitbu u jkunu żvelati rapporti fuq rapporti u ma jiġri assolutament xejn. F’sitt xhur biss di nis-sena nħarġu 350 direct orders bi spiża ta’ xejn inqas minn €13.5-il miljun. “Fejn hi l-accountability tiegħek?”
Hu qal li l-affarijiet li jdawru lil Ian Borg ma huma sbieħ xejn. Tmur sar-Rabat u jgħidulek li dak it-tali ristorant hu ta’ Ian Borg?
Tħares lejn id-direct orders u tibqa’ skantat… għaliex il-Ministeru tiegħu jopera kważi biss b’direct orders u bla prudenza fiskali ta’ xejn? Għaliex l-estimi tal-Baġit dwar ix-xogħlijiet li saru f’dawn il-mini kienu jgħidu li n-nefqa kellha tkun ta’ €12-il miljun, iżda mbagħad wieħed isir jaf li din telgħet għal €15-il miljun grazzi b’għadd ta’ direct orders!
//= $special ?>