Internazzjonali

Il-Ġermanja: Arrestati eks-suldati dwar allegat kumplott terroristiku fil-Jemen

Żewġ eks-suldati Ġermaniżi inżammu taħt arrest fuq suspett li pruvaw jiffurmaw qawwa ta’ merċenarji biex jiġġieldu ‘gwerra terroristika’ fil-Jemen, li ilu mill-2014 għaddej minn konflitt ċivili. L-aħbar ħarġet wara rejds mill-pulizija fl-inħawi lejn in-naħa t’isfel tal-Ġermanja fost konferma li ż-żewġ suldati qegħdin jiffaċċjaw akkużi relatati mat-terroriżmu.

Qed ikun allegat li s-suldati – identifikati biss bħala Arend-Adolf G u Achim A – kienu ppjanaw biex jirreklutaw armata privata ta’ xi 150 eks pulizija u suldati. Il-pjan bażiku, allegament, kien biex l-iskwadra ‘toffri s-servizzi tagħha lill-Gvern tal-Arabja Sawdija għal missjonijiet illegali fil-Jemen’ – iżda kollox jindika li s-suldati akkużati ma ‘ikkonvinċewx’ lill-Gvern Sawdi dwar il-pjan.

L-Arabja Sawdija ilha mill-2015 involuta fil-gwerra tal-Jemen u fejn qed tappoġġja lill-Gvern ta’ dan il-pajjiż fil-konflitt mal-moviment militanti tal-Houthi li qed jingħata l-għajnuna mingħand l-Iran fundamentalista.