Lokali Parlament

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin irid ikun quddiem biex itejjeb ir-reputazzjoni ta’ Malta

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal fil-parlament li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin irid ikun quddiem biex itejjeb ir-reputazzjoni ta’ Malta quddiem il-greylisting.

Carm Mifsud Bonnici qal li d-dnubiet passati tal-Gvern huma kbar tant li l-akbar sfidi għall-Ministru għall-Affarijiet Barranin kienu fl-għoqiedi u l-wirt li l-Ministru wiret. Hu sostna li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kellu jkun fuq quddiem biex il-pajjiż joħroġ mill-grey listing; dan meta l-Gvern kien jaf x’inhu ġej għalih sa minn qabel id-deċiżjoni. Il-Ministeru kellu joħroġ linja gwida lill-ambaxxati biex issir il-bidla iżda l-pjan, jekk jeżisti għadu mistur bil-Gvern ma jikkonsulatx mal-Oppożizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kien hemm indħil dirett minn Kastilja u appella biex iktar ambaxxaturi jinħatru minn fost il-Korp Diplomatiku. Hu sostna li jeħtieġ iktar stabbilità biex ikun hemm iktar opportunitajiet għal diskussjoni dwar liġi li tirregola l-affarijiet.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-ħidma tal-konsli u dwar l-ambaxxati u qal m’hemmx apprezzament mill-Ministeru tal-Finanzi għall-ħidma diplomatika. Dan hu importanti biex il-pajjiż jerġa’ jikseb l-istima li tilef. Aspett importanti ieħor li jrid ikun trattat huma l-ambaxxati futuri fosthom il-possibbiltà ta’ ambaxxata fil-Kanada.

Carm Mifusd Bonnici qal li l-Ministeru għall-Affariiet Barranin għandu jkun fuq quddiem biex jaħdem favur il-paċi u sostna li s-sena li ġejja se tkun importanti biex Malta tinħatar membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Hu tkellem fuq l-importanza tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien u l-r-relazzjonijiet mal-pajjiżi Afrikani. Dwar il-Libja hu qal li l-pajjiż jidher li miexi f’direzzjoni aħjar minn dak li kien sena ilu. Hu qal li trid issir ħidma għal iktar kummerċ mal-Libja biex ikun attirat l-investiment u jissolvew problemi passati.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pożizzjoni ta’ Malta mal-Italja u mal-UE tibqa’ b’saħħitha.