Internazzjonali

Indja: Jiżdiedu l-mejtin f’aktar inċidenzi ta’ għargħar

Mietu talanqas 50 persuna f’għargħar ikkaġunat mill-ħalbiet kbar tax-xita li niżlu fl-aħħar sigħat fl-Istat ta’ Uttarakhand, fir-reġjun tal-Himalayas  lejn in-naħa ta’ fuq tal-Indja. Il-filmati mill-inħawi wrew numru ta’ djar u toroq mgħarrqin u qerda sħiħa fl-infrastruttura – inklużi numru ta’ pontijiet li ċedew.

L-esperti qalu li l-Istat ta’ Uttarakhand, li hu popolari mat-turisti, bħalissa qed iġarrab l-effett tal-proġetti ta’ kostruzzjoni bla rażan kif ukoll mill-bidliet fil-klima. L-aħħar rapporti ħarġu wara li, jiem ilu, mietu talanqas 30 persuna fl-għargħar li ħakem l-Istat ta’ Kerala fin-nofsinar tal-Indja. Kemm Kerala u l-Istat ta’ Uttarakhand irrappurtaw inżul eċċessiv ta’ xita mill-bidu tas-sena ‘il hawn.