Lokali Qorti

Isem ġdid ta’ persuna fuq Facebook wassal għal ġlieda kbira bejn koppja bil-mobile tal-mara jispiċċa frak

Żieda ta’ persuna minn mara fuq Facebook waqt bibita spiċċat fi ġlieda kbira bejn koppja bl-argumenti jibqgħu sejrin sal-appartament tal-mara bir-raġel ikisser il-mobile tagħha, b’tali mod li meta ttieħed għat-tiswija it-‘technician’ ħaseb li dan kien spiċċa taħt vettura.

Ir-raġel ta’ 37 sena, residenti Ħal Għaxaq li deher quddiet it-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar fejn ġie kundannat li jħallas il-mobajl ta’ mara miżżewwġa ta’ 48 sena, residenti San Pawl il-Baħar li kienet kollega fuq il-post tax-xogħol tiegħu, għaddej ukoll proċeduri kriminali dwar dan il-każ. Dak li kien agressiv mal-kollega tiegħu, għamel ħsara fl-appartament tagħha u li ġabilha l-mobile frak.

Il-mara qalet li hi kienet f’relazzjoni miegħu li ntemmet fit-13 ta’ Jannar 2018. Dakinhar kienu marru jieħdu bibita flimkien ma missieru, ibnu u bintha. F’ħin minnhom, hu ħa l-mobile tagħha għaliex skopra li din kienet żiedet persuna fuq il-Facebook tagħha.

Hemm beda jgħajjat u joffendiha u jgħidilha sabiex tneħħi lil din il-persuna. Riedha wkoll tibgħat messaġġi dispreġjattivi fuq l-istess Facebook lil persuna li kienet żiedet. Bint l-mara u ibnu telqu l’hemm. F’xi ħin, huwa bagħat messaġġi lil din it-terza persuna mill-mobile tagħha. Bagħat ukoll xi messaġġi lis-sieħeb passat tagħha. Missieru beda jgħidlu sabiex irodd lura l-mobile. Ħarġu l-barra mill-istabbiliment fejn kienu u hu baqa’ joffendi lilha u lil bintha fit-triq.

Marru d-dar tagħha u hi ma riditx iddaħħlu, iżda hekk kif fetħet il-bieb, huwa imbuttaha u daħal. Hi ordnatlu biex jitlaq iżda hu ma ridtx. Wara ppruvat iċċempel lil missieru iżda f’dan il-ħin huwa qabadha minn xagħarha, ħa l-mobile, u sabbtu ma l-art u beda jaqbeż fuqu. Hawn kien tilef il-kontroll.

Bintha, meta rat dan, ċemplet lill-omm ommha u lill-Pulizija. Sadanittant wasal ukoll iben l-mara, li qal lir-raġel sabiex jitlaq u dawn spiċċaw jaqbdu f’xulxin.  Meta waslu l-Pulizija d-dar, raw il-mobajl mkisser. Qalet li hija talbitu jħallasha iżda huwa ma ridtx u baqgħet mingħajr flus.

Qalet lir-relazzjoni bejniethom kienet damet sejra madwar erba’ xhur. Tgħid li hu kien għamel żmien jgħix magħha u kien ħa lit-tifel ukoll. Kien ġie jaħdem fl-istess post magħha u ma tafx jekk ma kienx f’relazzjoni ma persuna oħra fl-istess perjodu.

Hija ċaħdet li kienet hi li garatlu l-mobile u tenniet li meta hija kienet ħaditu għat-tiswija għand dak minn fejn kien inxtara dan qalilha li qisu għaddiet vettura minn fuqu. Bintha meta xehdet qalet l-inċident seħħ għal ħabta ta’ nofs il-lejl u dwar il-mobile qalet li hu kienet qabeż fuqu u xxuttjah mal-ħajt.

Il-ħsara kienet tant gravi li ħarġet il-inka minnu. Minn naħa tiegħu r-raġel qal li huwa qatt ma kien f’relazzjoni ma’ din il-mara iżda kienu jaħdmu flimkien. Qal li hija kienet ħadet grazzja miegħu u bdiet tibgħatlu messaġġi b’mod regolari. Tenna li l-‘partner’ tiegħu, kienet qiegħda tiddejjaq u anki marret id-dar tagħha sabiex tgħidilha biex tieqaf. Madankollu kompliet tittantah. Qal li kien hemm mumenti li din is-sitwazzjoni kkrejat problemi u tensjoni fil-ħajja personali tiegħu u qal li mar jixtri xi sigaretti u baqa’ sejjer għandha sabiex jgħidilha biex tieqaf.

Tenna li daq il-qanpiena u hi niżlet isfel u bdiet t’argumenta miegħu u tefgħet il-mobile fid-direzzjoni tiegħu iżda ma laqtitux. Dwar danni oħra huwa ma jaf xejn.  Spjega li kien jaħdem mal-mara li kienet tgħix bieb ma bieb max-xogħol u li hu ma kienx f’relazzjoni magħha. Tenna li mar xil-11.00pm.għaliex kien qiegħed jirċievi telefonati mingħandha u ried li din tieqaf. Sostna li lanqas jaf minn fejn ġabet in-numru tiegħu. Huwa nnega li daħal ġewwa għandha bil-forza u sekonda wara jgħid li daħal ġewwa u tkellmu fl-appartament.

Qal li kif dar u kien żewġ metri u nofs il-bogħod minnha kellu jagħmel manuvra sabiex jiskapula l-mobajl li waddbitlu. Ma jiftakarx x’qaltlu meta qalilha sabiex tieqaf tkellmu. Wara ftit jiftakar li qaltlu ‘all right’b’arroganza.   It-Tribunal qal li diffiċli li huwa jitwemmen meta qal li ra lilha titfalu ċ-ċellulari, meta kien diġà dar biex jitlaq, u għalhekk kien qiegħed jagħti dahru lejha. It-Tribunal qal ukoll ma jistax ma jinnotax li hu ma kien konsistenti xejn fix-xhieda tiegħu.

F’ħin minnhom jgħid li tkellmu fit-taraġ u fuq  mistoqsija diretta tat-Tribunal qal li d-diskors sar ġewwa l-appartament. Fil-fatt sekonda wara jgħid li fil-fatt id-diskursata saret ġewwa.  Meta wieħed jara x’qal meta mistoqsi mill-Pulizija, kkonferma li fil-fatt tkellem magħha ġewwa l-appartament tagħha.

Il-verżjoni tiegħu ftit tagħmel sens. Jekk hi fi kliemu sempliċiment qaltlu ‘all right’ għaliex ridietu jibqa għandha, ma kinitx imbagħad tixħet dan iċ-ċellulari fid-direzzjoni tiegħu. It-Tribunal għaldaqstant ikkonkluda li r-raġel m’huwiex affidabbli.

“It-teżi  tagħha u ta’ bintha turi realtà wisq aktar probabbli, litiġju li ġie pprovokat biss mill-aggressur, li probabbilment kien il-kaġun li wassal sabiex hu kien daqstant aggressiv fil-konfront tagħha. Huwa ma kienx provokat bl-ebda mod u xejn ma jiġġustifika l-azzjoni tiegħu. Il-fatt tar-relazzjoni tagħhom, jekk kienitx fis-seħħ jew le ftit għandha  rilevanza għall-fini tal-verità. Għalkemm tista tgħin sabiex wieħed jimmaġġina x’wassal għax-xena li seħħet.

“B’hekk it-teżi tagħha hija ferm aktar probabbli,” kompla t-Tribunal fejn saħaq li l-mara rnexxielha tikkonvinċi l-każ tagħha sal-grad rikjest. Għaldaqstant, it-Tribunal ikkundanna lir-raġel iħallas lil mara s-somma ta’ €535 bl-imgħax legali mil-20 ta’ Lulju 2018 sad-data tal-pagament effettiv. Dan il-każ ġie ġġudikat mill-Avukat Joseph Gatt.