Lokali Qorti

Akkużi ġodda għal missier u iben waral-att vandalu fuq is-Salib tad-Dejma f’Ħal Qormi

Missier u ibnu minn Ħal Luqa li kellhom jitressqu akkużati li wettqu ħsatra fuq is-salib tad-Dejma f’Ħal Qormi se jitressqu fil-futur qarib minnħabba proċeduri ġodda fil-liġi li tagħti poteri lill-Avukat Ġenerali jekk iressaqx jew le. Dan ħareġ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud fejn quddiemu kellhom jitressqu missier ta’ 48 sena u ibnu ta’ 23 sena.

Huma kellhom jitressqu mill-Ispetturi Joe Mercieca u Stacy Attard mixlijin li għamlu ħsara fuq propjetà kulturali u li kissru momument, fil-21 ta’ Settembru li għadda. s-salib storiku li jinsab fi Triq tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, mhux biss kien wirt għall-Qriema, iżda huwa wirt għall-poplu kollu u li għandu storja ta’ mijiet ta’ snin. L-ismijiet tal-allegati akkużati m nqrawx fil-Qorti.

It-tifel waħdu ġie akkużat li għamel rapport falz lill-Pulizija u li sar reċidiv. Madankollu meta l-każ kellu jibda jinstema’ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, l-Prosekuzzjoni ddikjarat li kienet se twaqqa’ l-akkużi skont id-dispożizzjonijiet ġodda tal-liġi li jgħidu li huwa l-Avukat Ġenerali li jrid jiddeċiedi fuq każijiet simili.

Avviż Legali 367 tal-2021, li ġie fis-seħħ dan l-aħħar jgħid li ..”il-Pulizija Eċekuttiva ma tistax fl-1 ta’ Ottubru jew wara, tipprosekwixxi għal reati bħal dawn… u li dan għandu jsir mill-Avukat Ġenerali”. L-Avukat Shazoo Ghaznavi qed jidher għal missier filwaqt li għal ibnu qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb.