Futbol Sport

Bosta kowċis fil-Premier League joffru l-appoġġ tagħhom lil Steve Bruce

Bosta kowċis fil-Premier League Ingliż offrew l-appoġġ tagħhom lejn Steve Bruce, li ftit jiem ilu tkeċċa minn kowċ ta’ Newcastle United, wara sentejn turbulenti fit-tmexxija tal-club. Fl-aħħar messaġġ tiegħu, Steve Bruce qal li dan possibilment jista’ jkun l-aħħar rwol tiegħu bħala kowċ fil-futbol, wara li l-abbuż li rċieva fuq il-media soċjali fl-aħħar sentejn, affetwaw kemm lilu kif ukoll lill-familja tiegħu.

B’reazzjoni għal dan, il-kowċ ta’ Arsenal Mikel Arteta, wissa li bosta kowċis żgħażagħ qed jitbiegħdu minn dan ix-xogħol, proprju minħabba t-theddid u t-tgħajjir li qed jirċievu kontinwament fuq il-media soċjali. Steve Bruce, li l-aħħar partita kienet l-1000 partita tiegħu bħala kowċ, qal li hu qed jikkunsidra li jirtira, b’Arteta jwissi li għandu jkun hawn aktar edukazzjoni biex jitnaqqas l-abbuż.

Intant, il-kowċis, Claudio Ranieri (Watford), Graham Potter (Brighton), Sean Dyche (Burnley), Dean Smith (Aston Villa) u Ralph Hassenhutl (Southampton), kollha esprimew it-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni filwaqt li offrew l-appoġġ tagħhom lejn Steve Bruce.