Budget 2022 Lokali

“Budget taparsi bla taxxi…u jfaqqalek il-kontijiet”

Anke l-kontijiet tad-dawl huma eżaġerati immens

Diversi persuni li għamlu kuntatt ma’ dan is-sit fl-aħħar jiem ġibdulna l-attenzjoni dwar il-kontijiet tat-taxxa li qed jintbagħtu lill-familji u l-pensjonanti. B’uħud minn dawn il-kontijiet jitilgħu saħansitra għal mijjiet ta’ ewro.

Każ partikolari huwa ta’ raġel li jirċievi l-pensjoni tar-romol u li sab ma wiċċu kont ta’ aktar minn €300.

“Basta jiftaħru li Budget bla taxxi. Imbgħad ifaqqalek kont tat-taxxa bl-addoċċ”, qalilna dan ir-raġel li għaddielna wkoll il-kont li wasallu (ritratt).

Apparti l-kontijiet tat-taxxa, ħafna kienu dawk li rċievew kontijiet eżaġerati tad-dawl u l-ilma.

Koppja li tkellmet ma’ Net News qaltilna li dan ix-xahar ħallset kont tad-dawl li ġiehom id-doppju ta’ dak li ħallsu s-Sajf li għadda meta kienu jkunu ferm aktar id-dar minħabba l-Covid. “Jgħidu x’jgħidu, id-dawl mhux veru raħas”, qaltilna l-omm.

Il-kontijiet qed jiġu għoljin anke minħabba s-sistema li biha qed jinħadmu minn naħa tal-Gvern. Bil-Ministru tal-Finanzi innifsu jispiċċa jammetti li qed isir is-serq – iżda mhux se jagħti refund fuq il-kontijiet tad-dawl li ħarġu b’din is-sistema.