Lokali Saħħa

Clyde Caruana jammetti li fid-deal tal-isptarijiet “hemm il-problemi”

Skont Clyde Caruana…il-ftehim li kien ghamel il-Gvern dwar il-bejgh tal-isptarijiet huwa wieħed kumplikat u fid-deal ma’ Steward hemm il-problemi. Dikjarazzjoni li saret mil-Ministru tal-Finanzi waqt il-programm Xtra fuq TVM.

Il-Ministru qal dan meta kellu jwieġeb għat-tħassib tal-UĦM, hekk kif il-Kap Eżekuttiv Josef Vella stqarr li d-deal ta’ Steward huwa deal mhux sostenibbli, u li mhux irendi – anzi qed jagħmel l-oppost.

Fl-aħħar ġimgħat, xhur u snin bosta kienu dawk il-persuni u għaqdiet li talbu sabiex l-isptarijiet jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi – partikolarment wara li fil-Qorti, grazzi wkoll għal ħidma tad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, ħareġ fid-deher li filwaqt li l-Gvern kien jimpala l-miljuni tal-ewro lil Vitals u issa lil Steward, ftit li xejn sar kambjament.

Infatti meta kien mistoqsi dwar dan id-deal u x’jagħmel il-PN jekk ikun fil-Gvern, il-Kelliem tal-PN għall-Finanzi Mario DeMarco wieġeb li Gvern Nazzjonalista se jkun qed itemm il-kuntratt li hemm preżenti.