Internazzjonali

COP26: Żvelati l-isforzi ta’ pajjiżi għal ‘bidliet fir-rapport’

Numru ta’ pajjiżi – fosthom l-Arabja Sawdija, il-Ġappun u l-Awstralja – qed jippruvaw jibdlu rapport xjentifiku kruċjali dwar kif id-dinja għandha tindirizza l-bidliet fil-klima.

Skont leak ta’ dokumenti li kien żvelat minn BBC News, dawn u pajjiżi oħrajn qed jitolbu lin-Nazzjonijiet Uniti biex timminimizza l-ħtieġa li d-dinja twarrab kemm jista’ ikun malajr mill-fossil fuels. Fl-istess ħin, kien żvelat li xi pajjiżi sinjuri qed jikkuntestaw l-idea li jitħallsu aktar flus lill-Istati l-foqra biex jaqilbu għal green technology – jew teknoloġiji li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent.

Dan il-lobbying, fl-istess ħin, qed iqajjem aktar dubji dwar ‘il-validità’ tas-summit COP26 dwar il-klima li se jsir f’Novembru fi Glasgow, fl-Iskozja. Intant, il-‘leak’ qed juri li numru ta’ pajjiżi qed jagħmlu l-pressjoni biex iżommu lura r-rakkmandazzjonijiet tan-NU għal azzjoni u li dan qed isir jiem biss qabel il-pajjiżi jkunu mitluba biex jagħtu impenji sinifikanti għall-kontroll tal-bidliet fil-klima u biex il-global warming jinżamm f’livell ta’ 1.5 gradi Celsius.