Internazzjonali

Covid-19: Il-WHO twissi li l-pandemija għandha tkompli sal-aħħar xhur tal-2022

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tgħid li l-pandemija tal-Covid-19 se tkompli għaddejja ‘għal sena aktar milli suppost’ minħabba li l-ifqar pajjiżi tad-dinja mhumiex jingħataw il-provvisti tat-tilqim li jeħtieġu.

Bruce Aylward, wieħed mill-uffiċjali ewlenin mal-WHO, qal, sadanittant, li, fiċ-ċirkustanzi, il-kriżi tal-Covid kapaċi faċiliment tiġġebbed sal-aħħar xhur tal-2022.

Dan meta sallum ingħatat it-tilqima lil anqas minn ħamsa fil-mija fost il-popolazzjoni Afrikana u meta fil-kontinenti l-oħra tad-dinja laħqu tlaqqmu medja ta’ 40 fil-mija tal-abitanti.

Min-naħa tiegħu, ir-Renju Unit wassal ‘il fuq minn 10 miljun vaċċin lill-pajjiżi fil-bżonn filwaqt li wiegħed biex jissupplixxi total ta’ 100 miljun vaċċin lill-ifqar pajjiżi.

Sadanittant, l-idea oriġinali wara l-iskema Covax hi biex il-pajjiżi kollha,inklużi l-Istati s-sinjuri,  ikunu jistgħu jieħdu l-vaċċini minn ‘pool’ speċjali.

Madankollu, il-parti kbira tal-Istati-membri tal-Grupp tas-Seba l-Akbar Pajjiżi Industrijalizzati (G7) iddeċidew li jżommu lura ‘il-kontribut tagħhom’ ladarba huma bdew jissieħbu fi ftehim speċifiċi mal-kumpaniji tal-farmaċewtika.

Il-maġġoranza kbira tal-vaċċini kontra l-Covid, ġeneralment, intużaw fil-pajjiżi s-sinjuri u f’oħrajn fejn il-kwalità tal-ħajja hi aċċettabbli.

Intant, xi entitajiet karitatevoli, fosthom l-Oxfam u l-UNAids, ikkritikaw lill-Kanada u r-Renju Unit dwar il-kisba tal-vaċċini għall-popolazzjonijiet tagħhom permezz tal-Covax – il-programm globali, appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti, li hu responsabbli mit-tqassim xieraq tal-vaċċini.

Min-naħa tiegħu, Bruce Aylward appella lill-pajjiżi sinjuri biex ‘iċedu posthom fil-kju għall-vaċċini’ bil-għan li l-kumpaniji farmaċewtiċi, minflok, jagħtu priorità lill-pajjiżi li r-residenti tagħhom għandhom l-inqas dħul.

Aylward fisser li l-pajjiżi sinjuri għandhom jagħmlu speċi ta’ ‘stocktaking’ taċ-ċirkustanzi meta huma kienu impenjaw id-donazzjonijiet tal-vaċċini waqt is-summits internazzjonali li jinkludu l-laqgħa tal-G7 li sar f’St Ives, matul is-sajf.

L-espert tal-WHO, fl-istess ħin, enfasizza li l-ġlieda kontra l-coronavirus għadha lura mit-tragwardi stabbiliti ‘u li hemm ħtieġa kbira li l-programmi tat-tilqim jingħataw spinta fuq bażi globali u b’mod li l-Istati foqra jinġiebu ‘on track’ f’din is-sitwazzjoni’. Hu kompla li jekk dan ma jseħħx, il-pandemija għandha ddum fostna ‘għal sena aktar milli hemm bżonn’.

Sadanittant, alleanza ta’ entitajiet karitatevoli bl-isem People’s Vaccine ħarġet l-istatistika li tissuġġerixxi li wieħed biss minn kull seba’ dożi li kienu mwiegħda mill-pajjiżi s-sinjuri u l-kumpaniji tal-farmaċija qegħdin jaslu fid-destinazzjonijiet elenkati, fl-ifqar pajjiżi tad-dinja.