Lokali

‘Embrace the Poor Week’ – Kampanja ta’ għarfien dwar nies fil-faqar għat-tfal fl-iskejjel

L-istudenti tal-iskola primarja tal-Kulleġġ San Alwiġi flimkien mal-Uffiċċju Djakonija Parroċċi fi ħdan Caritas Malta nedew kampanja bl-isem ta’ ‘Embrace the Poor Week’ fejn kull klassi kellha persuna impenjata fil-ħidma tal-parroċċi jew il-kappillan li spjegaw lill-istudenti l-ħidma u l-importanza li niftakru li llkoll kemm aħna benefatturi u benefiċjarji tal-ħidma favur dawk l-iktar fil-bżonn.

Intqal li kull persuna għandha tgħix b’dinjità u tkun apprezzata fil-komunità tagħha, li tista’ ssir jekk kull persuna tagħti l-impenn tagħha favur dawn in-nies.

Il-klassijiet, skont l-età, ġew ippreżentati b’ħidma li ssir ma’ gruppi varji, bil-klassijiet ta’ l-ewwel sena jisimgħu fuq ħidmiet mal-anzjani, filwaqt li dawk tas-sitt sena jisimgħu dwar ħidma soċjali ma’ sitwazzjonijiet iktar kumplessi.

Kull laqgħa wasslet għall-apprezzament u ċelebrazzjoni ta’ dak li jsir, bit-tfal ħadu l-impenn li jippreparaw kartolini b’messaġġi ta’ kuraġġ kemm lin-nies fil-bżonn kif ukoll lill-voluntiera impenjati; bit-tama wkoll, li meta jiġu iktar irrilaxxati l-protokolli tal-pandemija, ikunu jistgħu jsiru anki laqgħat fiżici ma’ dawn il-parrocci u l-ħidma tad-djakonija. Il-ġimgħa inkludiet ukoll laqgħa mal-għalliema u l-istaff tal-iskola.

F’din l-inizzjattiva l-parroċċi kienu rappreżentati mill-parroċċi ta’ San Ġiljan, Pembroke, l-Imtarfa, Wied il-Għajn, Bormla, il-Ħamrun, il-Marsa, Birkirkara, Birżebbuġa, Xgħajra, Santu Wistin il-Belt, il-Floriana u l-Iklin.

Il-Ħidma tad-Djakonija fil-parroċċi f’Malta, hija sostenn lil kull min b’xi mod isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ diffikultà. Biżżejjed insemmu li l-parroċċi Maltin, filwaqt li jaħdmu id f’id ma’ entitajiet soċjali – kemm tad-djoċesi kif ukoll tal-istat – immexxija bil-ħidma tal-Kappillani, il-kleru u voluntiera lajċi, isostnu madwar 1300 familja bi bżonnijiet bażici bħall-ikel, ħwejjeġ, affarijiet tal-ħasil u ndafa, bżonnijiet għall-iskola tat-tfal u oħrajn. Dan barra ħidmiet varji ma’ gruppi bħall-anzjani, persuni b’diżabbilità, ommijiet żgħażagħ, u gruppi oħra li barra li jiġu mgħejjuna fil-bżonnijiet immedjati, jingħataw mezzi u opportunitajiet biex jagħrfu li huma wkoll għandhom x’joffru lill-komunità li jgħixu fiha, u mhuwiex il-bżonn li jiddefinixxi min huma bħala persuni imma fuq kollox id-doni u t-talenti uniċi li ġġor kull persuna.