Lokali Lottu u Super 5

Id-Deputati tal-Gvern jgħidu mod u jaġixxu mod ieħor dwar Konrad Mizzi

Deputati tal-Gvern qed ikunu inkonsistenti fl-aġir tagħhom u jibqgħu jgħidu mod u jagħmlu mod ieħor. Issa huwa evidenti li min għandu l-għola karigi f’Kastilja, qed jibqa’ jara li jservi ta’ paraventu.

Wara li sena ilu, il-Ministru Jose Herrera, waqt xhieda li kien qed jagħti fil-Qorti kien stqarr li kien żball oħxon tal-Gvern Laburista li baqa’ jżomm lil  Konrad Mizzi u lil Keith Schembri wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, għal xi raġuni, l-istess Ministru hu fost dawk li għaldarboħra qed ikun imġiegħel jiġbed il-ħabel ta’ Deputat li fisser il-kollass tal-Gvern fl-2019.

Mistoqsi minn Net News jekk bidilx il-fehma minn dakinhar, Herrera qal li le. Iżda nhar l-Erbgħa, fil-Parlament, il-Gvern ta’ Robert Abela, li Herrera jifforma parti minnu, oġġezzjoni bl-aħrax għal mozzjoni mitluba mill-Oppożizzjoni li tobbliga lil Konrad Mizzi jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi

Dan minkejja li Herrera u oħrajn jemmnu li Mizzi għandu jkun obbligat iwieġeb quddiem il-PAC. Konferma li tahielna l-istess Ministru.

Iżda jidher li minn fuq, l-ordni hi li l-Gvern jibqa’ jagħmel dak kollu li jista’ biex Mizzi jtawwal iż-żmien biex jidher quddiem il-PAC u jwieġeb mistoqsijiet dwar kif allegatament seraq lill-poplu Malti fuq il-proġett tal-Electrogas, li minnu kellu jdaħħal €5,000 KULJUM f’commissions – dejjem skont dak żvelat mill-Panama Papers.

Il-Whip tal-Gvern Glen Bedingfield nhar l-Erbgħa qal li peress li Konrad Mizzi kien kiteb fuq Facebook li kien se jixhed quddiem il-PAC, ma kienx hemm għalfejn titressaq il-mozzjoni. Iżda inqas minn 24 siegħa wara, l-istess Mizzi mar lura minn kelmtu, u għaldarboħra fuq Facebook qal li ma kienx bi sħiebu jidher quddiem il-PAC. Mossa li tindika biċ-ċar kif Mizzi kien miftiehem ma’ Robert Abela li qed jibqa’ jitmexxa mill-klikka li trid tgħatti l-iskandli li nħmew f’Kastilja u li għalihom jibqa’ jħallas il-poplu Malti.