Lokali Qorti

Il-Freeport ordnata tagħti €36,000 lil ħaddiem li weġġa’ fuq il-post tax-xogħol

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivli preseduta mill-Imħallef Toni Abella ordnat lill-kumpanija Malta Freeport Terminals Ltd. tikkumpensa ħaddiem tagħha is-somma ta’ €36,000 wara li ngħatat it-tort għall-inċident li fih huwa weġġa’. Meta għaddiet biex jagħti l-kumpens il-Qorti qieset, fost oħrajn, li l-ħaddiem sofra diżabilità ta’ 12% u li kellu kważi 50 sena meta ġara l-każ. Il-Qorti qalet ukoll li għaddew tmien snin mill-inċident, u li dan id-dewmien ma kienx jaħti għalih il-vittma.

Mario Galea beda proċeduri fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Freeport u John Aquilina fejn żammhom responsabbli għall-inċident li kien seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2014. Xogħol Halea kien bħala ‘tally-clerk’ meta għall-ħabta tal-4.20 p.m. trakk misjuq minn Aquilina ħabat bil-karru li kien qed jiġbed mal-kabina li fiha kien hemm Galea.

Il-kabina tagħmel parti mill-gantry crane li jkun stazzjonat fuq il-moll u bid-daqqa Galea weġġa’ u għamel xi jiem ma jmurx għax-xogħol waqt li Aquilina spiċċa sospiż għal xahar u nofs. Il-Freeport m’ammettietx  it-tort għax qalet li kien Aquilina li kkawża l-inċident waqt li Aquilina ma qabilx u qal li huwa ngħata struzzjonijiet biex jgħaddi minn fejn għadda bit-trakk.

Wara li sema’ diversi impjegati jixhdu, l-Imħallef Toni Abela qal li Aquilina għadda minn spazju projbit mir-regolamenti tal-Freeport għax il-karreġġjati kienu mblukkati bi trakkijiet oħra ipparkjati. Huwa sostna li dan kien isir fuq bażi regolari meta l-kumpanija kellha l-obbligu li tassigura li dan ma jiġrix u kkundannaha talli m’għamlet xejn biex tħares dan ir-regolament. L-Imħallef Abela kkundanna wkoll lill-Freeport talli tippenalizza lill-ħaddiema bi tnaqqis fid-dħul jekk ix-xogħol ma jitlestiex b’ħeffa u fil-ħin.

Huwa rrimarka li l-ħaddiema qed jitqegħdu taħt pressjoni biex jieħdu deċiżjonijiet u jagħmlu manuvri azzardati bl-iskop li jfittxu jagħmlu x-xogħol malajr b’dan kollu jżid ir-riskju għall-ħaddiema. Il-Qorti ddikjarat li Aquilina għadda minn spazju projbit mhux għax kien traskurat imma għax sab ruħu f’qagħda li ħass li ma setgħax jagħmel mod ieħor.

Sadanittant wara dan l-inċident li l-kumpanija waħlet sinjali tal-karreġġjati mal-parti ta’ fuq tal-gantry crane biex issa x-xufiera tat-tug masters għandhom indikazzjoni dejjem tidher ta’ kull karreġġjata taħt il-‘gantry crane’. Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef li żamm biss lill-Freeport responsabbli għal dan l-inċident.