Lokali

Il-PBS b’dejn kbir minkejja l-fondi pubbliċi li qed jingħata

L-aħħar kontijiet tal-PBS li ġew ippublikati juru li l-istazzjon Nazzjonali ta’ pajjiżna jinsab fi problemi fejn jidħol l-istat finanzjarju. Filfatt, jidher li l-kumpanija għandha iktar djun u obbligazzjonijiet milli assi.

Iżda minkejja dan kollu, is-sit ‘The Shift’ saħaq li kumpaniji privati ​​marbuta mill-qrib mal-Partit Laburista u l-istazzjoni One TV qed jibqgħu jassorbu miljuni ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu fi produzzjoni televiżivi u programmi ta’ aħbarijiet kurrenti.

Is-sitwazzjoni finanzjarja – li f’termini ta’ kontabilità tfisser li x-xandar nazzjonali huwa fallut u jkollu jingħalaq jekk mhux għat-taxxa li jħallas il-poplu Malti u Għawdxi – kompliet tiggrava taħt il-Ministru Carmelo Abela.

L-aħħar kontijiet ppubblikati, juru li l-PBS – li topera żewġ stazzjonijiet tat-TV u tliet stazzjonijiet tar-radju – spiċċat b’€3.8 miljun aktar f’obbligazzjonijiet milli assi.

The Shift jispjega li hekk kif il-PBS qed ikompli jiffaċċja akkużi ta’ nuqqas ta’ imparzjalità partikolarment fil-programmi tal-aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti, l-istazzjonijiet nazzjonali ġew mibdula fi pjattaforma mhux uffiċjali tal-Partit Laburista, bi programmi ewlenin kollha bi produzzjoni jew preżentazzjoni minn nies tal-Labour jew apoloġisti Laburisti jew minn nies li kienu jipproduċu programmi fuq One.

Il-PN ilu xhur sħaħ li tefa’ dawl fuq dan l-iżbilanċ sfaċċat, li issa qed ikun innutat anke mill-media indipendenti.