Lokali Qorti

Jammetti għat-tieni darba kellu fil-pusses tiegħu pornografija tat-tfal

Raġel ta’ 48 sena minn San Pawl il-Baħar ammetta li għat-tieni darba kellu fil-pusses tiegħu materjal pornografiku tat-tfal. Ir-raġel ġie arrestat nhar l-Erbgħa wara li l-Pulizija għamlet rejd fid-dar tiegħu fejn sabulu diversi filmati minn ‘downloads’ fuq il-computer tiegħu.

L-Ispettur Joseph Busuttil li flimkien mal-Ispettur Dorianne Tabone ressaq lir-raġel li ma jaħdimx, qal li madwar sena ilu kien daħlilhom trapport li l-akkużat kien qed imiżżel materjal pornografiku u sussegwentement ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin fi Frar li għadda.

L-Ispettur qal r-raġel ammetta miegħu l-akkuża u talbu biex jingħata l-għajnuna. Qal ukoll li l-filmati kienu ta’ tfal ta’ bejn it-13 u l-14-il sena u li ma qasamhomx ma’ ħaddieħor, iżda biss għalih inniffsu. Tenna wkoll li hu ma kellu ebda kuntatt fiżiku ma’ xi minuri.

Il-Maġistrat Victor Axiak spjega lill-akkużat dwar il-konsegwenzi tal-ammissjoni li twassal bejn 12-il xahar u ħames snin ħabs. L-Avukat tal-għajnuna legali Mario Caruana qal li sentenza ta’ ħabs tagħmel aktar ħsara milli ġid, anke peress li r-raġel jingħata wkoll kura fl-isptar Monte Carmeli.

Il-Prosekuzzjoni qalet li filwaqt li l-akkużat huwa persuna vulnerabbli, dan ma jistax jingħata t-tieni ċ-ċans u ppropona li s-sentenza tar-reċidiva tiġi fis-seħħ u jingħata trattament għall-perjodu ta’ tliet snin, li tkun l-aħjar għajnuna għalih.

Il-Qorti ordnat sabiex id-dipartiment tal-probation iħejji rapport ta’ qabel is-sentenza sabiex jgħin lill-Qorti tifforma opinjoni fuq il-piena. Matul dan il-perjodu jingħata wkoll l-attenzjoni kbira li għandu jingħata.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni ma taqbilx, u qalet li l-affidabilità tiegħu hija anqas minn żero. Huwa baqa’ miżmum taħt arrest preventiv bil-Qorti tirrakomanda biex il-ħati jitpoġġa f’sezzjoni tal-ħabs fejn hemm persuni vulnerabbli Is-sentenza se tingħata fl-4 ta’ Novembru fis-9.00am. dejjem jekk ir-rapport ikun finaliżżat.