Internazzjonali

Korea t’Isfel: Pass kbir għall-ambizzjonijiet fl-ispazju

Il-Korea t’Isfel, fl-aħħar sigħat, tellgħet l-ewwel rokit bl-isem ‘Nuri’ u li żviluppat hi stess, b’dan il-proġett qed jitqies bħala pass importanti lejn ir-realizzazzjoni tal-ambizzjonijiet tal-pajjiż biex jikteb paġna ġdida fl-ispazju.

In-‘Nuri’, sadanittant, tela’ mill-inħawi ta’ Goheung, li jinsab xi 500 kilopmetru lejn in-nofsinar tal-kapitali Seoul. Il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, aktar tard qal li r-rokit ‘ikkonkluda s-sekwenza sħiħa tat-titjira’ iżda ma rnexxiex l-eżerċizzju biex tittella ‘satellita finta’ fl-orbita.

Dawn il-provi huma essenzjali għat-tkattir tal-programmi spazjali u għandhom ukoll il-potenzjal li javvanzaw l-ambizzjonijiet militari ta’ pajjiż partikulari.

Dan meta l-Korea t’Isfel tinsab għaddejja b’tellieqa għall-armi mal-Korea ta’ Fuq komunista, u meta fl-aħħar ġimgħat, l-Istati ġirien it-tnejn wettqu l-provi tal-armamenti ġodda. Intant, il-Korea komunista kien irnexxielha ttella satellita fl-orbita, fl-2012.