Lokali

Possibilment mijiet ta’ eluf mitlufa fil-każ tan-Nutar Barbara

Huwa maħsub li huma l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro li ntilfu f’dak li qed ikun allegat li huwa każ ta’ frodi mwettaq min-Nutar Ivan Barbara, illum mejjet, u minn martu Rosanne Barbara Zarb. Dan stqarru l-avukat ta’ tliet persuni li qed jitolbu li tinfetaħ inkjesta fil-konfront tal-armla ta’ Barbara wara li spiċċaw tilfu l-flus li kellhom iddepożitati man-Nutar.

Wara li dawn it-tliet persuni għamlu t-talba tagħhom mal-Qrati, kienu bosta individwi oħra li wkoll qed jgħidu li ġew frodati min-Nutar u li esprimew ix-xewqa li jagħtu l-verżjoni tagħhom ta’ dak li ġralhom.

Minn naħa tagħha, Rosanne Barbara Zarb tidher qed titfa’ l-ħtija ta’ frodi u miżappropjazzjoni fuq impjegata tagħhom u qed tibqa’ tinsisti li hi qatt ma kienet involuta f’xogħol żewġha.

L-avukat David Bonello li qed jidher għal Simon Mallia, Valerie Mallia u Matthew Sacco qed isostni li ċ-ċaħda tal-armla li kienet involuta f’xogħol żewġha ma treġix meta wieħed iqis li hi f’xi okkazzjonijiet kienet tħallas il-paga tan-nutar li kienet taħdem fl-ufficcju ta’ Barbara, u drabi oħra kienet tirċievi dirett fil-kont tagħha pagamenti dovuti lin-Nutar Barbara inniffsu bhala notarial fees.

L-avukat Bonello rrefera wkoll għal numru sostanzjali ta’ ċekkijiet li daħlu fil-kont ta’ mart in-nutar u li mhux ċar ta’ xiex inhuma. L-argument tal-avukat hu li inkjesta tkun tista’ tiddetermina ta’ xiex kienu dawn il-pagamenti.

Ikompli jargumenta wkoll li Rosanne Barbara Zarb tant kienet involuta fil-professjoni ta’ zewġha li mill- istatements tal-bank tagħha stess jirriżulta li mhux darba jew tnejn kienet tħallas lill-uffiċċju tan-nutar tal-Gvern. Dan, jgħid Bonello, żgur ma kinitx tagħmlu fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha bħala accountant.

Għaldaqstant huwa qed jitlob li l-Qorti tikkomferma d-digriet oriġinali tal-Maġistrat u tordna li tigi miftuħa inkjesta fil-konfront ta’ Rosanne Barbara Zarb.