Internazzjonali

Stati Uniti: Jista’ iħallas b’ħajtu għal massakru fi skola

Raġel minn Florida ammetta l-ħtija b’konnessjoni mal-qtil tal-massa li seħħ fl-2018 fi skola ewlenija ta’ Parkland u li fiha kienu tilfu ħajjithom 17-il persuna.

Nikolas Cruz, ta’ 23 sena ammetta l-ħtija ukoll għal sbatax-il akkuża dwar attentat ta’ qtil u wara li hu kien ħalla numru sostanzjali ta’ midruba waqt l-attakk inkwistjoni fil-Marjory Stoneman Douglas High School.

Sadanittant, Cruz jista’ jeħel għomru l-ħabs waqt li mhix eskluża l-possibbiltà li hu, ‘il quddiem, jingħata s-sentenza tal-mewt.

Ir-reati ta’ Cruz jinkwadraw f’waħda mill-aktar sparaturi qattiela li qatt seħħet fi skola tal-Istati Uniti, bl-inċident iżid id-determinazzjoni tal-attivisti fil-pajjiż biex jaċċertaw ‘mill-kontrolli fuq l-armi tan-nar’.

Nikolas Cruz kien għad għandu 19-il sena meta, fl-isparatura, qatel 14-il student u tliet impjegati tal-iskola. Hu, dak iż-żmien, kien eks student tal-Majory Stoneman Douglas High School u kien daħal fil-kumpless armat b’azzarin tat-tip AR-15.

Il-każ tiegħu issa se jgħaddi minn proċess ġudizzjarju ieħor fejn il-ġurati jridu jiddeterminaw jekk Cruz għandux jingħata l-piena massima jew iqattax il-kumplament ta’ ħajtu f’ċella ta’ ħabs. Sadanittant, hu ittamat li l-proċess partikulari ikun jista’ jibda f’Jannar li ġej.

Min-naħa tiegħu, Nikolas Cruz, waqt l-aħħar smigħ,  indirizza lill-imħallef Elizabeth Scherer li presediet il-ġuri kif ukoll lill-qraba tal-vittmi tiegħu, fejn deher viżibbilment kommoss waqt li talab skuża ‘għar-reati terribbli li se jibqgħu fuq il-kuxjenza tiegħu għal għomru’.