Lokali

“Bżonn ta’ faċilitajiet li jirrispettaw il-persuna” – Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali

"Bżonn ta’ faċilitajiet li jirrispettaw il-persuna" - Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali

Ġie mniedi direttorju f’forma ta’ leaflet online li fih jiġbor id-dettalji kollha ta’ 28 organizzazjoni f’pajjiżna li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali.

Dan il-proġett ħa ħsiebu l-uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali taħt it-tmexxija ta’ John Cachia li wara 10 snin fil-kariga wasal biex itemm din l-esperjenza li fiha irnexxielu jtella’ s-settur tas-saħħa mentali fuq skala nazzjonali.

Waqt laqgħa mal-organizazjonijiet kollha u l-media, il-Kummissarju spjega x’sar fl-aħħar snin u fejn jixtieq li nibqgħu sejrin bħala pajjiż f’dan is-settur.

John Cachia, permezz tal-uffiċċju tiegħu irnexxielu jbiddel l-aġenda nazzjonali fejn tidhol is-saħħa mentali ….fejn issa qed nitkellmu iktar b’mod liberu dwar dan is-suġġett.

Mhux biss, is-saħħa mentali issa saret tkun ikkunsidrata u allaċjata ma’ kull settur ieħor fil-pajjiż fosthom l-ambjent, it-traffiku, l-edukazzjoni u ħafna aktar…u is-saħħa mentali tassew bdiet tingħata l-prijorità li jixraq grazzi ghall-hidma tal-Kummissarju Cachia.

Meta indirizza lill-ġurnalisti, John Cachia rringrazzja lill-media lokali li kompliet toħloq kuxjenza dwar is-suġġett, fejn inbniet alleanzja b’saħħitha b’risq min għandu problemi ta’ saħħa mentali. Dan apparti li ingħata wiċċ ġdid lil dan is-settur.

Ħadna l-kummenti tal-Kummissarju dwar il-prijoritajiet għall-futur u aktar sforzi li hemm bżonn biex is-saħħa mentali tkun ugwali ma’ sfidi oħrajn relatati ma’ saħħa f’Malta. Hu appella wkoll għal faċilitajiet li jirrispettaw lill-pazjenti.